Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi – Jumejn ‘il bogħod mill-bidu tal-vjaġġ tat-Torċa Olimpika

Stennija fil-Ġappun biex il-Ħamis li ġej jibda l-vjaġġ tat-Torċa Olimpika, sena u ġurnata wara li dan kellu jiġi sospiż minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Il-vjaġġ tat-Torċa Olimpika ser jibda miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Taħriġ f’J-Village, fil-provinċja ta’ Fukushuma. Minn hemmhekk it-torċa ser timxi madwar 47 distrett differenti fil-Ġappun, u ser tinvolvi mal-10,000 atleta. It-Torċa Olimpika kienet mixgħula fit-12 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, fuq il-Muntanja Olympia, fil-Greċja, u tmint ijiem wara waslet il-Ġappun. Meta ħarġet l-aħbar li l-Olimpjadi kienu ser jiġu posposti għall-2021, it-Torċa Olimpika nżammet taqbad.

L-Olimpjadi mistennija jibdew fit-23 ta’ Lulju li ġej u jibqgħu għaddejjin sat-8 t’Awwissu, filwaqt li l-Paraolimpjadi jibdew mill-24 t’Awwissu sal-5 ta’ Settembru.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA