Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi – Kazunori Takishima jibqa’ b’xiber imnieħer avolja ħareġ mal-€34,000

Il-ħolma ta’ Kazunori Takishima taret mar-riħ. Filwaqt li l-organizzaturi tal-Olimpjadi, flimkien mal-Gvernatur ta’ Tokjo u l-Gvern tal-pajjiż ħabbru li l-ispettaturi mhux ser jitħallew jattendu għal-Logħob Olimpiku, Takishima ra ħolma li swietu €34,000n togħsfor fix-xejn.

Kazunori Takishima kien xtara mitt biljett għal kompetizzjonijiet differenti matul l-Olimpjadi li ser isiru f’Tokjo fi żmien 14-il ġurnata oħra. Kien ilu jfaddal is-snin biex iġemma’ biżżejjed flus ħalli jkun jista’ jixtri l-biljetti. I-tir tiegħu kien li jsir l-aktar persuna fid-dinja li attenda kompetizzjonijiet matul edizzjoni tal-Logħob Olimpiku. Il-ħolma kienet nibtet minn meta Tokjo rebħet id-dritt li tospita l-Olimpjadi, u Takishima, ta’ 45 sena, kien lest biex iniżżel ismu fuq il-kotba tar-rekords dinjija.

F’kummenti lill-aġenzija Reuters, Takishima qal li jinsab irrabjat ħafna għax ma jistax imur biex isegwi l-Logħob Olimpiku. Qal li l-frustrazzjoni l-kbira tiegħu hi għax l-organizzaturi u t-tmexxija tal-pajjiż ħallew sal-aħħar mumenti biex jiddeċiedu li l-ispettaturi mhux ser jitħallew jidħlu fl-istadia u ċ-ċentri fejn ser isir il-logħob.

L-ewwel darba li Takishima kien spettatur f’Olimpjadi kien fl-2006. Dakinhar kien f’Turin, l-Italja, u kien qiegħed isegwi waħda mill-kompetizzjonijiet tal-iskating. Fi kliemu, Takishima qal li waqt l-Olimpjadi tirċievi ħafna. Tara atleti jifirħu għax ikunu rebħu l-midalja tad-deheb, imma tara atleti jibku għax ma jkunux marru kif stennew.

Qabel l-Olimpjadi ta’ Tokjo, Takishima kien attenda għal 106 kompetizzjonijiet bil-biljetti, u kien diġà ppjanat li ser isegwi 28 avveniment f’temp ta’ 17-il ġurnata. Sal-lum il-ġurnata, ir-rekord dinji  huwa ta’ 128 kompetizzoni, b’Takishima kien qed jiddiskuti mal-organizzatur tal-Guinness World Record, sabiex jagħmel 134.

U għalkemm Takishima ser jirċievi flusu lura, il-ħolma li ismu jitniżżel fil-kotba tar-rekords dinjija taret mar-riħ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA