Olimpijadi TOKYO 2020
Olimpjadi – L-atleti mhux ser jingħataw preferenza għall-vaċċin tal-Covid-19

L-Organizzazzjoni tas-Saħħa Dinjija (WHO) qiegħda tipprovdi assistenza lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u lill-Gvern Ġappuniż bi preparazzjoni għall-Olimpjadi ta’ Tokjo tas-sajf li ġej. L-Organizzazzjoni għamlitha ċara mal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li ma tistax twiegħed li l-atleti ser jingħataw preferenza sabiex jirċievu l-vaċċin kontra l-Covid-19, għax dan l-ewwel għandu jingħata lill-persuni vulnerabbli u lil dawk li jinsabu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

Il-Prim Ministru Ġappuniż Yoshihide Suga jinsab konvint li pajjiżu ser jospita l-Olimpjadi tas-sajf li ġej, avolja l-ġimgħa li għaddiet ġurnali Ingliżi rrappurtaw li l-Logħob Olimpiku ser jiġi kkanċellat.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qiegħda tgħid li bħalissa huwa l-mument tal-verità u kulħadd qiegħed jaffaċċja l-istess realtà. Il-WHO saħqet li fil-preżent mhemmx biżżejjed vaċċini għal kulħadd, u allura ma jkunx ġust li l-atleti li ser jieħdu sehem fl-Olimpjadi jingħataw prijorità sabiex jirċievu t-tilqima. L-Organizzazzjoni qalet li l-kriżi dinjija qiegħda twassal li jitfasslu l-prijoritajiet, u allura dawk vulnerabbli u min jaħdem fil-qasam tas-saħħa għandhom jirċievu l-vaċċin malajr kemm jista’ jkun.

Din l-aħbar kompliet iżżid l-inkwiet għall-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li kien qiegħed jittama li l-atleti kollha jkunu mlaqqma qabel jivvjaġġaw lejn il-Ġappun, biss jidher ċar li dan mhuwiex ser ikun possibbli sa Lulju li ġej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA