Tennis
Open ta’ Franza – Krejcikova u Pavlycuhenkova kontra xulxin fil-finali

Iċ-Ċeka Barbora Krejcikova waslet sal-finali tar-Roland Garros meta għelbet lil Maria Sakkari fi tliet sets. Krejcikova rebħet l-ewwel sett 7-5, b’Sakkari tirrispondi fit-tieni wieħed 6-4. Fit-tielet u l-aħħar sett Krejickova kienet aħjar u rebħitu 9-7.

Għal Krejcikova din ser tkun l-ewwel darba li ser tikkompeti f’finali ta’ Grand Slam, u ser tiltaqa’ kontra r-Russa Anastasia Pavlyuchenkova, li għaliha wkoll ser tkun l-ewwel esperjenza.

Jekk Barbora Krejcikova tirbaħ ir-Roland Garros, allura tkun qed tagħmel dan wara nuqqas ta’ 40 sena meta l-aħħar Ċeka li rebħet dan it-turnew kienet Hana Mandlikova fl-1981.

Ir-Russa Anastasia Pavlyuchenkova min-naħa tagħha għelbet lil Tamara Zidansek li fis-semifinali wettqet numru kbir ta’ żbalji. Għal Pavlyuchenkova din ukoll ser tkun l-ewwel finali tagħha u dan jaċċerta li s-Sibt ser ikun hemm tennista li ser tirbaħ Grand Slam għall-ewwel darba fil-karriera.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA