
L-ex numru wieħed Andy Murray għandu l-Covid-19. Il-Brittaniku kien qiegħed jitħarreġ sabiex ftit tal-ġimgħat oħra jikkompeti fl-ewwel Open tat-Tennis għal din is-sena, f’Melbourne, l-Awstralja. Murray, li għandu 33 sena, ingħata wild card biex jikkompeti f’dan l-Open, imma issa hemm possibbilità li ma jikkompetix jekk idum ma jgħaddielu. Il-Brittaniku qal li jinsab iżolat u għalkemm għandu l-coronavirus, s’issa m’għandu l-ebda sintomi.
L-infezzjoni tal-coronavirus ma setgħetx ġiet f’mument agħar għal Murray, għaliex il-Gvern Awstraljan ta perjodu qasir lit-tennisti sabiex jaslu fil-pajjiż biex jibdew 14-il jum kwarantina qabel ikunu jistgħu jitħarrġu għal ħames sigħat kuljum. Jidher li hemm tennisti li qegħdin itiru lejn l-Awstralja b’permess speċjali, avolja jinsabu infettati bil-Covid-19. L-Amerikan Tennys Sandgren huwa wieħed minn dawn it-tennisti li ġab permess speċjali biex itir minn Los Angeles għal Melbourne fuq titjira apposta.