Futbol internazzjonali
Palmeiras imorru l-Urugwaj għall-finali tal-Copa Libertadores

Il-partitarji ta’ Palmeiras ħarġu bi ħġarhom fit-toroq ta’ Sao Paolo sabiex jawguraw lit-tim tagħhom qabel ma telaq lejn l-Urugwaj biex jilgħab fil-finali tat-Tazza Libertadores.

Palmeiras ser jaffaċċjaw lil Flamengo, bit-tama li jżommu t-titlu li rebħu s-sena li għaddiet. Jekk kemm-il darba jirnexxilhom, din tkun it-tielet darba fl-istorja tal-klabb li rebħu dan it-trofew.

Din hija t-tieni darba li Palmeiras ser jaffaċċjaw tim ieħor Brażiljan fil-finali. Kien aktar kmieni din is-sena meta l-istess Palmeiras rebħu lil Santos fil-finali tat-Tazza Libertadores 2020, finali li kienet posposta b’xi ġimgħat minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fis-semifinali Palmeiras ħadu kedda biex għelbu lil Atletico Mineiro, filwaqt li għal Flamengo kienet aktar faċli meta rebħu lil Guayaquil’s Barcelona Sporting Club 4-0.

Il-finali tat-Tazza Libertadores ser tintlagħab nhar is-Sibt li ġej fl-Istadium Centenario ta’ Montevideo, il-kapitali tal-Urugwaj.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA