Futbol internazzjonali
Pedri b’kuntratt ġdid ma’ Barcelona sal-2026

Iż-żagħżugħ ta’ Barcelona, Pedri, ser jiffirma kuntratt ġdid ma’ Barcelona li ser iżommu fin-Nou Camp sal-2026.

Intqal li fil-kuntratt hemm klawżola ta’ rilaxx ta’ €1 biljun u dan sabiex ma jkunx hemm xi tim jew ieħor li jipprova jixtri lil Pedri b’din il-klawżola.

Pedri għad għandu 18-il sena, imma huwa wieħed mill-istilel tat-tim Katalan. Huwa ngħaqad mal-Katalani s-sena l-oħra mingħand Las Palmas għal €5 miljuni.

Fl-ewwel staġun tiegħu Pedri lagħab 53 darba ma’ Barcelona, aktar minn kull plejer ieħor fit-tim. Huwa diġà rebaħ it-Tazza tar-Re ma’ Barcelona. Pedri kien ukoll parti mit-tim Spanjol fl-EURO 2020, u saħansitra intagħżel mill-UEFA bħalha l-Aqwa Plejer Żagħżugħ tal-edizzjoni u kien anke inkluż fl-aqwa ħdax tat-turnew.

Pedri huwa mistenni li jiffirma l-kuntratt il-ġdid illum flimkien mal-President Joan Laporta qabel konferenza tal-aħbarijiet.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA