Euro2020
Pedri jgħid li jqaxxar xagħru jekk Spanja tirbaħ l-EURO 2020

Il-midfielder Spanjol Pedri qed jgħid li jqaxxar xagħru jekk kemm-il darba Spanja tirbaħ din l-edizzjoni tal-EURO 2020. Spanja għadha tilgħab fl-ewwel semifinali tal-kompetizzjoni meta taffaċċja lill-Italja f’Wembley Stadium.

Pedri, li għandu 18-il sena, huwa wieħed mill-plejers regolari fl-iskwadra Spanjola ta’ Luis Enrique. Midfielder ma’ Barcelona fi Spanja, Pedri għamel biżżejjed matul l-istaġun sabiex jimpressjona lill-kowċ tan-nazzjonal, li mhux biss għajjatlu fl-iskwadra, imma qed ikun wieħed mill-plejers strumentali ta’ La Roja.

Wara l-kwartifinali kontra l-Iżvizzera, li Spanja rebħet bl-għoti tal-penalties, Pedri qal li kien għajjien, imma ta’ 18-il sena kien jiflaħ għal ħafn’aktar. F’kummenti li ta lill-midja, qal li kull tim huwa b’saħħtu u m’hemmx tim aħjar minn ieħor. Biss għamilha ċara li jekk kemm-il darba Spanja tasal fil-finali u hu jkun wieħed mill-plejers li jgħollu t-tazza, allura mbagħad iqaxxar xagħru.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA