Futbol internazzjonali
Pelé jinħareġ mit-taqsima tal-kura intensiva … jinsab f’qagħda klinika tajba

L-ex stilla tal-futbol Brażiljan, Pelé, inħareġ mit-taqsima tal-kura intensiva u tpoġġa f’kamra ġenerali wara li aktar kmieni dan ix-xahar kien operat biex jitneħħielu tumur mill-musrana. Pelé jinsab rikoverat fl-isptar Albert Einstein ta’ Sao Paolo, u fi stqarrija ntqal li l-ex attakkant ta’ 80 sena jinsab f’qagħda klinika tajba.

It-tliet darbiet champion tad-dinja nstab li kellu tumur fil-musrana wara testijiet regolari li jsirulu. Jidher li t-tobba ndunaw kmieni bit-tumur li tneħħa u ntbagħat sabiex issir analiżi fuqu.

Fil-preżent Pelé għandu bżonn l-għajnuna biex jimxi, inkella jrid ipoġġi fuq siġġu tar-roti wara li fl-aħħar snin kellu diversi problemi f’ġenbu. Fil-fatt, l-ex stilla Brażiljan kien diġà qiegħed joqgħod ‘il bogħod mill-midja qabel faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, u fl-aħħar xhur rari dehru filmati tiegħu fil-pubbliku. Pelé jgħix fil-belt ta’ Santos f’dar privata.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA