Formula 1
Penali għal sewwieqa jew persuni assoċjati magħhom li jkellmu lill-istewards waqt investigazzjoni

It-timijiet tal-Formula 1 kienu mgħarrfa li ser ikunu ppenalizzati jekk xi membru tat-tim jaqbad u jmur ħdejn l-istewards waqt investigazzjoni. Nhar il-Ħadd li għadda, kemm Toto Wolff tal-Mercedes u anke Christian Horner tar-Red Bull marru ħdejn l-istewards biex jagħmlu l-każ tagħhom wara l-inċident bejn Hamilton u Verstappen, b’tal-aħħar jispiċċaw barra mit-tellieqa.

Dan wassal biex id-Direttur Michael Masi joħroġ direttiva li biha informa lil kulħadd li sitwazzjonijiet bħal dak li seħħ f’Silverstone ma kellhomx jerġgħu jseħħu. Skont rapport diversi jidher li Wolff u Horner kienu involuti f’diskussjoni taħraq maġenb l-istewards waqt li dawn kienu qed jiddeliberaw ta’ min kien it-tort fil-ħabta li seħħet bejn il-Brittaniku u l-Olandiż. Id-deċiżjoni tal-istewards kienet li Hamilton kellu tort fil-każ u saħansitra weħel 10 sekondi penalità.

F’korrispondenza li bagħat Masi lit-timijiet kollha, għamilha ċara li l-uffiċċju tal-istewards huwa aċċessibbli biss għall-istewards infushom, is-segretarju u l-operatur tagħhom. Masi kompla jagħmilha ċara li jekk kompetitur jew persuna assoċjata miegħu ma żżommx mar-regolamenti, ikun hemm ksur t’Artiklu 12.2.1.i tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Isport li jista’ jwassal għal multa, tnaqqis ta’ punti jew saħansitra skwalifika.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA