Futbol lokali
Penalty jagħti t-tliet punti lil Gudja United f’rebħa fuq Lija A. wara l-kwarantina

KAMPJONAT BOV PREMIER 2020/21

Lija A. FC…………..0

Gudja UTD FC……1

Gudja United għelbu lil Lija Athletic bl-iskor ta’ 1-0 b’penalty dubjuż u kontroversjali fl-aħħar minuti tal-logħba. Dawn iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn waqfa pjuttost twila għaliex kienu kwarantina minħabba każijiet tal-Covid-19. U n-nuqqas ta’ taħriġ u ta’ logħob deher evidenti, f’konfront bla ideat, bla azzjonijiet, u bi ftit xuttijiet diretti fil-lasti li kont tgħoddhom fuq pala t’id waħda.

Fid-39 minuta waslet l-ewwel azzjoni b’ċans ta’ skor għal Lija Athletic meta Beu infiltra ix-xellug u minn qagħda angolata prova għal ġewwa, iżda l-ballun għadda ċentimetri ‘l barra mill-wieqfa.

Gudja United ħasbu li ser jibdew it-tieni taqsima bil-kbir meta fis-47 minuta Conceicao ġie waħdu quddiem Bonnici, iżda x-xutt tiegħu kien salvat minn mal-art mill-goalkeeper ta’ Lija. Gudja reġgħu ppruvaw fis-56 minuta, imma Bonnici reġa’ kien attent biex salva fuq ix-xutt ta’ Mensah. Fit-tieni taqsima Gudja kienu xi ftit aħjar mill-avversarji u fis-87 minuta Mensah deher jitwaqqa’ mis-sostitut Scerri f’tarf il-kaxxa l-kbira, bir-referee Mangion isaffar għal penalty li qajjem kontroversja u protesti kbar mill-plejers u l-istaff tekniku ta’ Lija, biss Yuri Messias żamm il-kalma u tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka għal 1-0 u hekk baqgħu sat-tmiem.

Riżultat finali: Lija A. FC 0  Gudja UTD FC 1

BOV Plejer tal-Logħba: Fernando Javier Brandan ta’ Lija Athletic

Referee: Etienne Mangion

Formazzjonijiet:

Lija A. FC – Luke Bonnici (GK)(c), Carl Joseph Cassar (67’ Andrea Mizzi) (86’ Daniel Scerri), Ismael Borg, Erjon Beu, Fernando Javier Brandan, Harry Wood, Walter Omar Serrano, Miguel Jimenez, Juan Cruz Gill, Clayton Giordimaina, Carlos Flores

Gudja UTD FC – Glenn Zammit (GK)(c), Yuri Messias, Llywelyn, Gabriel Mensah (90+1’ Lee Pisani), Imanol Gonzalez Benac, Neil Anthony Micallef, Elton Alexandre Da Silva (75’ James Brincat), Vanger Conceicao (90’ Hubert Vella), Goran Adamovic, Juan Bolanos, Dale Camilleri

 

Miktub minn...
TVM Sport
.