Rugby
Pichot jirriżenja mill-World Rugby wara li tilef l-elezzjoni għall-President b’ħames voti

Rugby: L-Arġentin Agustín Pichot ikkonferma li hu rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Viċi President tal-World Rugby kif ukoll minn rappreżentant ta’ pajjiżu fil-kunsill. Ir-Riżenja tiegħu waslet wara ftit jiem fejn hu kien qed janaliżża s-sistwazzjoni preżenti u l-futur tar-Rugby fid-Dinja fid-dawl li ma rnexxielux jirbaħ l-elezzjoni għall-kariga ta’ President tal-World Rugby li saret ftit tal-jiem ilu. Pichot eks player internazzjonali ma’ pajjiżu, tilef l-elezzjoni b’ħames voti b’riżiltat ta’ 28-23 kontra l-Ingliż anzjan Bill Beaumont li b’hekk żamm il-kariga. Pichot kien wiegħed bidla radikali fit-tmexxija tar-Rugby u kien wiegħed li se jaħdem sabiex ir-Rugby jikber ferm iktar milli hu llum fejn kien ħabbar diversi proposti biex il-logħba titla’ f’livell ieħor.

Mit-52 delegat li jivvutaw fil-kunsill tal-World Rugby hemm 30 vot li huma tal-10 nazzjonijiet li jiffurmaw ir-Rugby Six Nations u r-Rugby Championship.

Pichot (lemin) ħdejn il-President attwali

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.