Sports Internazzjonali
Pjattaforma t’intelliġenza artifiċjali qed tgħin fir-ritorn tal-partitarji fl-istadia

Filwaqt li l-partitarji sportivi bdew bil-mod il-mod jirritornaw fl-istadia wara xhur sħaħ ‘il bogħod minn dak li verament iħobbu, it-timijiet u l-organizzaturi tad-dixxiplini differenti qed iħabblu rashom dwar liema miżuri għandhom jittieħdu biex kulħadd ikun f’ambjent sigur. Il-pandemija tal-Covid-19 ġiegħlet lil diversi timijiet sportivi sabiex jerġgħu jaħsbu kif jimxu ekonomikament meta l-partitarji jirritornaw fl-istadia tagħhom. Il-loġistika hija importantissima, għaliex minn issa ‘l quddiem il-biljett biex wieħed jidħol fi stadium irid ikun elettroniku, il-ħin irid ikun itwal, tittieħed it-temperatura, u protkolli oħra ta’ sigurtà li żgur ser jagħmlu r-ritorn tal-partitarji fl-istadia wieħed diffiċli.

Il-pjattaforma tal-intelliġenza artifiċjali WaitTime, żviluppat sistema biex tgħin lill-partitarji sabiex b’applikazzjoni tal-mowbajl ikunu jafu fejn huwa d-dħul u l-ħruġ tal-istadium, fejn jinsabu s-servizzi sanitarji, kif ukoll żoni oħra t’importanza. Barra minn hekk, l-applikazzjoni turik fejn hemm linji twal ta’ kju, li huma meqjusa bħala żoni riskjużi għall-Covid-19. Il-kameras ta’ sigurtà ser ikollhom missjoni importanti, għaliex permezz tal-viżwal, it-tmexxija tal-istadium tkun tista’ tara jekk numru kbir ta’ partitarji humiex jinġemgħu f’xi post jew ieħor. Din il-pjattaforma t’intelliġenza artifiċjali qed tintuża’ fl-Awstralja u l-Istati Uniti, u mistennija li tkun introdotta fl-Ewropa fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-futur tal-partitarji fl-isport għadu mdawwar b’diversi dubji, u diversi gvernijiet mhumiex qed jikkunsidraw li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet tal-massa qabel il-vaċċin tal-Covid-19 ikun beda jingħata.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA