Futbol internazzjonali
Bellezza ta’ gowl minn Salah u hat-trick għal Firmino f’rebħa kbira għal Liverpool barra minn darhom

Premier League Ingliż

Watford ……. 0
Liverpool ….. 5

Faċli għal Liverpool li barra minn darhom f’Vicarage Road għelbu lil Watford 5-0 fid-debut bħala manager tal-Hornets għal veteran Taljan Claudio Ranieri.

Il-mitt gowl personali fil-Premier għal Sadio Mane witta t-triq għal dan is-suċċess tar-Reds b’gowl fid-disa’ minuta, rdoppja Roberto Firmino fis-sebgħa u tletin minuta.

Fit-tieni taqsima Liverpool komplew jixxallaw, 3-0 fit-tnejn u ħamsin minuta meta mir-rebound f’lasti vojta Roberto Firmino tefa’ fix-xibka bil-gowlkiper Ben Foster megħlub, għaddew żewġ minuti oħra u wara ġmiel t’azzjoni personali, Mohamed Salah ukoll niżżel ismu fost l-iskorers f’dan il-konfront b’konklużjoni sabiħa għar-rokna tax-xibka.

Liverpool issiġillaw ir-rebħa bil-ħames gowl b’tap-in f’lasti vojta u hat-trick personali għall-Brażiljan Roberto Firmino li skorja fil-ħin miżjud qabel tmiem il-partita, għal skor finali, Watford xejn, Liverpool ħamsa.

Miktub minn...
Rodney Vassallo