Futbol lokali
Plejer ta’ Mosta FC pożittiv għall-COVID-19, u ħames plejers oħra għalissa f’iżolament prekawzjonali

TVM Sport jinsab infurmat li plejer ta’ Mosta FC irriżulta pożittiv għall-COVID-19. Il-plejer li hu barrani jidher li għamel it-test għaliex beda jħoss xi sintomi ħfief u l-bieraħ irċieva r-riżultat.

Jidher li l-plejer għamel ‘swab test’ jew il-ġimgħa filgħaxija jew matul il-jum tas-Sibt. Isem il-plejer mhux qed jiġi publikat minħabba policy ta’ TVM Sport li ma jixxandrux ismijiet ta’ atleti biex tiġi rispettata l-privatezza tal-individwu.

Minn informazzjoni li qed tasal f’dawn il-ħinijiet jidher li hemm xejn inqas minn ħames plejers oħra ta’ Mosta FC li huma kkunsidrati ‘high risk’ mill-awtoritajiet tas-Saħħa peress li kienu f’kuntatt dirett miegħu fl-aħħar jiem u dawn intalbu joqgħodu f’iżolament għalissa.

Dawn il-plejers lagħbu kollha fl-aħħar logħba li Mosta ġew fi draw ta’ 3-3 kontra Balzan. Il-plejer kien qed iħossu tajjeb waqt il-logħba tal-Ħamis li għadda u jidher li s-sintomi ħfied bdew l-għada.

Mosta jmisshom jilagħbu r-raba’ logħba tal-kampjonat kontra Gżira Utd il-Ġimgħa 16 ta’ Ottubu jiġifieri dawn il-pjejers jekk se jintalbu joqgħodu fi kwarantina mil-lum din il-kwarantina tintemm fit-18 ta’ Ottubru, iżda jekk il-kwarantina bdiet mill-Ħamis li għadda huma jistgħu jinżlu għal-logħob. Meta kkuntatjat minn TVM Sport, uffiċjal ta’ Mosta kkonferma li għandhom plejer pożittiv iżda ma daħalx fid-dettal tal-każ.

Intant jidher li l-uffiċjali ta’ Mosta FC ikkordinaw diversi testijiet li qed isiru illum lill-plejers kollha fuq struzzjoni tal-Awtorita’ tas-Saħħa. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet mistennija jibdew joħorġu għada.

TVM Sport bgħat xi mistoqsijiet lill-MFA dwar dan il-każ u sa issa ma’ rċevejna ebda kommunikazzjoni.

Aġġornata:

F’risposta li rċevejna mill-MFA għal diversi mistoqsijiet ġejna riferuti sabiex nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lill-Club innifsu. L-MFA żiedet; ‘Din hija sitwazzjoni fluwida u t-tim mediku tal-Malta Football Association kien u għadu f’kuntatt kontinwu mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-COVID Liaison Officers tal-klabbs biex joffri assistenza professjonali u jevalwa kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’ skont il-protokolli tal-Assoċjazzjoni kif maqbula mal-istess Awtoritajiet tas-Saħħa.’

 

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.