Futbol lokali
Plejer ta’ Valletta FC jinstab pożittiv għall-COVID-19

Sorsi ta’ TVMSport jistgħu jikkonfermaw b’ċertezza li Valletta FC għandhom każ ta’ plejer li nstab pożittiv għall-coronavirus.

L-aħbar kienet ikkonfermata ma’ TVMSport minn Valletta FC stess u minn sors tagħna fil-Malta Football Association.

Il-klabb kien mgħarraf b’dan il-każ pożittiv ilbieraħ.

Minkejja li nafu bl-identità tal-plejer, TVMSport se jirrispetta l-privatezza tal-klabb u l-plejer innifsu.

TVMSort jikkonferma biss li l-plejer huwa Malti u li lagħab fl-aħħar partita mill-Kampjonat BOV Premier kontra Balzan, li l-Beltin rebħu bi skor ta’ 1-0.

Il-fiżjoterapista tal-klabb Belti, li nzerta viċin ħafna tal-plejer waqt il-partita kontra Balzan, qiegħed f’iżolament volontarju.

Issa, hekk kif jgħid il-protokoll mediku tal-MFA, il-Covid Liaison Officer tal-klabb Belti se jkollu jiskatta l-proċess tal-protokoll marbut ma’ każijiet jekk klabb ikollu xi membru li jinstab pożittiv.

Dan isir biex ikun jista’ jsir l-assessjar individwali ma’ dawk li kellhom kuntatt mal-plejer u jiġi stabbilit il-livell ta’ espożizzjoni tal-plejer infettiv qabel l-Awtoritajiet tas-Saħħa jiddeċiedu b’mod definittiv dwar il-kwarantina.

Matul l-aħħar jiem, l-MFA u l-Awtoritajiet tas-Saħħa, ħadmu flimkien fuq każ ieħor ta’ plejer pożittiv fiċ-Challenge League fejn numru ta’ plejers kellhom jintbagħtu fi kwarantina mandatorja iżda xorta waħda l-klabb lagħab fi tmiem il-ġimgħa fl-ewwel matchday taċ-Challenge League.

Il-partita tal-Erbgħa fid-21.15 kontra Gżira United mhux se tkun affettwata u se tintlagħab xorta waħda.

Il-partita tixxandar dirett fuq TVM2.

Miktub minn...
TVM Sport