Futbol lokali
Plejers barranin mitluba jagħmlu kwarantina mandatorja fi tmiem is-sejħa mat-tim nazzjonali tagħhom; milquta erba’ klabbs tal-Premier

Diversi klabbs lokali li għandhom plejers professjonali barranin u li ġew mgħajta biex jirrapreżentaw lit-timijiet nazzjonali ta’ pajjiżhom fit-tieqa internazzjonali ta’ Novembru, ġew imwissija b’mod uffiċjali mill-Awtoritajiet tas-Saħħa f’Malta li mar-ritorn lura f’pajjiżna jridu joqgħodu fi kwarantina mandatorja jekk ġejjin minn pajjiż mhux ikkunsidrat ‘safe country’.

TVMSport jinsab infurmat li dan kollu ħoloq rabja kbira fost il-klabbs milquta tal-Kampjonat BOV Premier li huma Hibernians, Balzan, Żejtun Corinthians u Mosta.

Il-Pawlisti għandhom lill-plejer ġdid mil-Litwanja, l-attakkant Karolis Laukzemis. Balzan għandhom lill-plejer Moussa Kamara tal-Gambja. Żejtun Corinthians għandhom lil Ibrahim Kone tal-Guinea mentri l-Mostin għandhom liż-żewġ gowlkipers Afrikani, Christoffer Mafoumbi mill-Kongo u Stephane Bitzeki Moto mill-Gabon.

Il-klabbs Maltin qegħdin jiddiskutu l-fatt li fil-pajjiżi kollha hemm qbil bejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-assoċjazzjoni tal-futbol biex plejers professjonali li jivvjaġġaw għall-kompetizzjonijiet internazzjonali tal-futbol tingħatalhom eżenzjoni milli joqgħdu fi kwarantina mandatorja, skont il-protokoll tal-FIFA rikonoxxut mad-dinja kollha. Iżda jidher li dan il-protokoll ma ġiex rikonoxxut f’Malta.

TVMSport għandu informazzjoni sensittiva li l-MFA għamlet it-talba ta’ eżenzjoni lill-Awtorità tas-Saħħa, f’isem il-klabbs Maltin, iżda li din ġiet irifjutata fl-aħħar sigħat.

Fil-futbol internazzjonali, il-kwarantina mandatorja u l-‘contact tracing’ ma jeżistux minħabba li titħaddem sistema ta’ rapid jew PCR testing li għamlet il-futbol professjonali fost l-aktar ambjenti siguri fid-dinja. Fl-Ewropa, huma bosta l-pajjiżi li naqsu t-tul tal-kwarantina mandatorja għal atleti professjonali biex l-impatt fuq is-sostenibbilità tal-kompetizzjonijiet ikun minimu u fil-maġġoranza tal-pajjiżi, anki f’każ ta’ test pożittiv, l-atleta jirritorna lura fil-komunità hekk kif ikun għamel l-ewwel test li jirriżulta fin-negattiv wara ħamest ijiem mir-riżultat pożittiv. B’hekk ma jkollux joqgħod fi kwarantina.

Kelliem għall-klabbs Maltin li xtaq jibqa’ anonimu stqarr li dan l-aġir min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa ma jagħmilx sens meta l-pajjiżi l-oħra kollha qed jaġixxu b’loġika differenti minħabba li l-plejers jgħixu f’bubbles u li jkunu ttesjati kważi kuljum. Hu kompla jgħid li konsegwenza ta’ dan kollu kienet diġà problema kbira għall-klabbs fil-logħbiet tal-Ewropa fis-sajf, u qed tkun sfida kull darba għat-timijiet nazzjonali Maltin u issa qed timpatta wkoll lill-klabbs fil-kampjonat domestiku.

Persuna differenti li tkellmet ma’ TVMSport qalet li bl-istess raġunijiet, il-plejers nazzjonali ta’ Malta li ssejħu għat-tliet partiti li ġejjin, iridu kollu joqgħodu 14-il ġurnata kwarantina peress li se jkunu missew mal-plejers avversarji li ġejjin mil-Leichtenstein, Andorra u l-Gżejjer Faroe.

Il-plejers Maltin mibgħuta mill-klabbs barranin biex jilagħbu mat-timijiet nazzjonali Maltin tal-irġiel u tan-nisa dan ix-xahar fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA kollha jgawdu minn eżenzjoni li l-atleti professjonijisti għandhom fil-pajjiżi ta’ ritorn, ġaladarba juru test negattiv, tkun fejn tkun id-destinazzjoni.

Miktub minn...
TVM Sport