Ċikliżmu
Pogacar jirbaħ it-18-il stadju filwaqt li Bahrain Victorious investigati minħabba d-doping

L-Isloven Tadej Pogacar rebaħ it-18-il stadju tat-Tour de France u resaq pass eqreb li jirbaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena. Ir-rebħ tat-18-il stadju kien imċajpar mill-investigazzjoni preliminari li bdiet il-prosekuzzjoni Franċiża fuq it-tim Bahrain Victorious. Jidher li l-pulizija għamlet tfittxijiet intensivi fejn qed joqgħodu ċ-ċiklisti, kif ukoll fuq il-coach li qed twassalhom minn post għall-ieħor.

Il-prosekuzzjoni f’Marsilja qed tgħid li l-investigazzjoni hija dwar l-akkwist, trasport, pussess, importazzjoni ta’ sustanzi pprojbiti jew mezzi pprojbiti minn xi atleta mingħajr ġustifikazzjoni medika. It-tim ta’ Bahrain Victorious qalu li qed jikkoperaw mal-investigazzjoni.

Għalkemm fit-18-il stadju ċ-ċiklisti kollha tat-tim Bahrain Victorious ħadu sehem, ħadd minnhom ma kellu effett fuq it-tellieqa wara lejl xejn feliċi fejn kellhom jistennew it-tfittxijiet tal-pulizija.

F’dan l-istadju, reġgħet seħħet fotokopja ta’ dak li seħħ l-Erbgħa meta Pogacar rebaħ it-tellieqa, bid-Daniż Jonas Vingegaard jidħol it-tieni u l-Ekwadorjan Richard Carapaz daħal it-tielet.

Minbarra l-flokk l-isfar, Pogacar issa libes ukoll il-flokk l-abjar bħala l-aqwa ċiklist taħt il-25 sena.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA