Local Sports
Powerlifting: Il-kampjonati dinjija tas-single lifts f’Malta

Il-Malta Drug-Free Powerlifting Association organizzat il-Kampjonati Dinjija tas-Single Lifts fi ħdan il-federazzjoni tal-World Drug-Free Powerlifting fl-1, 2, u 3 ta’ Ġunju 2018. Din il-federazzjoni ilha taħdem bla waqfien mal-Assoċjazzjoni ta’ Malta biex dawn il-kampjonati jkunu ta’ suċċess.

Il-kampjonati nqasmu fuq tlett ijiem; il-Ġimgħa kien hemm l-isquat, is-Sibt il-bench press u l-Ħadd d-deadlift. Ikkompetew madwar 300 atleta, 13 minnhom minn Malta. B’kollox kien hemm ‘il fuq minn 450 refgħa fuq dawn it-tlett ijiem.

Il-powerlifters li rrappreżentaw lil Malta kellhom numri sbieħ fuq din il-pjattaforma internazzjonali. Naomi Portelli li kienet  fil-kategorija tat-Teenager 3, u Fabiana Bermudez ikkompetew fuq it-tlett ijiem sħaħ, waqt li atleti oħra għażlu refgħa partikolari waħda jew tnejn. Sean Galea għalaq bi squat b’197.5kg, waqt li Cleaven Cutajar issielet ma’ 235kg squat.  Rekords mondjali  ġew miksura matul dawn it-tlett ijiem, u Malta kisbet rekord mondjali  ieħor ma’ din il-federazzjoni permezz tal-atleta Cedric Vella li għamel 240kg fid-deadlift fil-kategorija tat-Teenager 2 taħt il-125kg. Luke Bonanno li m’ilux jittrennja dan l-isport ipprova r-raba’ attentat fuq l-isquat biex jikser rekord mondjali taħt il-kategorija tal-75kg, iżda fallieh bi ftit. Kurt Degorgio, żagħżugħ 20 sena refa’ benchpress  ta’ 100kg taħt il-kategorija ta’ taħt is-56kg. Josef Spiteri għamel benchpress ta’ 170kg waqt li Daniel Debono refa’ 200kg fid-deadlift. L-assoċjazzjoni ċerta li din il-kompetizzjoni serviet ta’ iktar motivazzjoni għall-atleti biex itejbu n-numri tagħhom u jagħmlu aktar unuri għal Malta fix-xhur li ġejjin. Ta’ min isemmi li l-atleti li rrappreżentaw lil Malta kollha kisbu rekords nazzjonali minħabba li kompetizzjoni tas-Single Lifts qatt ma ġiet organizzata fuq livell nazzjonali, iżda se tiġi organizzata waħda nazzjonali f’Diċembru li ġej. Importanti wkoll li wieħed jgħid li f’dawn il-kampjonati ġew ittestjati 26 atleta għad-doping.

In-nazzjon rebbieħ ta’ dawn il-kampjonati kien l-Ingilterra, fit-tieni post il-Maldova, u fit-tielet post l-Irlanda. Il-Malta Drug-Free Powerlifting Association tixtieq tirringrazzja lill-President tal-Federazzjoni, Wim Backelant flimkien mal-bqija tal-kumitat, ir-referees, il-persuni li għenu fl-ispotting u l-loading, il-familarji u ħbieb li kienu ta’ sapport, u lill-atleti barranin u Maltin kollha li kkompetew li għaddew feedback pożittiv ħafna kemm fuq Malta kif ukoll fuq il-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, l-MDFPA tixtieq tirringrazzja lill-isponsor prinċipali tagħha Remax Malta talli għażlu li jissapportjaw l-isport tal-powerlifting f’Malta.

Fil-jiem li ġejjin, l-MDFPA se tkun qiegħda torganizza l-Medigames, kompetizzjoni tal-powerlifting għall-professjonesti li jaħdmu fil-qasam tal-mediċina u saħħa, kif ukoll għall-bidu ta’ Settembru, il-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta.

Miktub minn...
Mark Attard
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programmi UEFA Europa League Highlights u UEFA Champions League Highlights.
Aħbarijiet Oħra
Local Sports

Illum tnediet it-tieni edizzjoni tal-Youth Development Scheme minn SportMalta f’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta. Din l-iskema hi mmirata lejn atleti ta’ taħt it-18-il sena u tgħinhom biex ikomplu l-karriera sportiva tagħhom…

Aktar