Powerlifting
Powerlifting: Isiru l-kampjonati mondjali tad-WDFPF fil-Ġermanja

Bejn is-26 u 27 ta’ Ottubru 2019 il-kampjonati Mondjali tal-Powerlifting migjuba minn WDFPF seħħew f`Halle, Saale il-Ġermanja.

Malta Drug Free Powerlifting Association, MDFPA, bagħtet ħames atleti biex jirrapreżentaw in-nazzjon. Dawn kienu Rachel Ann Said, Matteo Aquilina, Charles Degiorgio, Luke Bonanno u Wayne Gregoraci. L-atleti kollha kkompetew bħala unequipped.

Għalkemm Rachel falliet l-ewwel attentat tal-isquat, irnexxielha terfa’ 82.5kg fit-tieni attentat iżda falliet 87.5kg fit-tielet attentat, piż li ġieli rnexxilha terfgħu f’Malta. Minkejja dan xorta rnexxielha ttejjeb ir-rekords tagħha fil-Bench Press u d-Deadlift b’refgħat ta’ 50kg u 110kg rispettivament. Peress li hi ntiżnet b’45.6 kg, dan it-total ta’ 242.5 kg rebbaħha t-tieni post fil-klassifika femminili ta’ taħt is-47.5 kg. Dan kien riżultat eċċezzjonali għal din l-atleta.

Matteo Aquilina ntiżen b’piż ta’ 65.3 kg u flimkien ma’ Charles Degiorgio ikkompeta fil-kategorija ta’ taħt is-67.5 kg. Matteo falla l-ewwel attentat fl-isquat biex eventwalment fit-tielet attentat irnexxilu jerfa’ 175 kg. Fil-Bench Press refa’ 107.5 kg u fid-deadlift 205 kg fit-tielet attentat. B’dawn ir-refgħat Matteo irnexxilu jtejjeb it-total rekord tiegħu.

Charles Degiorgio ġie t-tielet fil-kategorija ta taħt is-67.5 kg b’refgħat ta’ 190 kg fl-isquat, 115 kg fil-Bench Press u rekord nazzjonali fid-Deadlift b’247.5 kg. Waqt din il-kompetizzjoni Degiorgio pprova jikser ir-rekord mondjali tal-isquat b’203 kg. Din il-kategorija kienet kompetittiva ferm fejn Degiorgio, b’total ta’ 552.5 kg u 405.36 punt, kien viċin li jieħu t-tieni post. Ir-refgħat ta’ Degiorgio kienu wkoll kollha rekords fil-kategorija tal-Master 1 għall-istess piż.

L-iżgħar fost l-atleti Maltin kollha, Luke Bonanno ta’ 17-il sena, ikkompeta fil-kategorija ta’ taħt il-75 kg, b’piż ta’ 73.9 kg. Bonanno refa’ 167.5 kg fl-isquat fit-tieni attentat u falla bi ftit 175kg fit-tielet attentat. Għal darb’oħra fil-bench Press Bonanno refa’ 107.5 kg fit-tieni attentat iżda falla 115 kg fit-tielet attentat. Fid-Deadlift refa’ 200 kg, refa’ li kien ilu jissielet għaliha. Fil-Ġermanja, Bonanno rnexxielu jisker ir-rekords nazzjonali preċedenti tal-isquat u d-deadlift fil-kategorija tat-T2. Bonanno kiseb l-ewwel post fil-kategorija tat-T2 u is-sitt post fil-ketegorija “open”.

Wayne Gregoraci ġie fit-tieni post fil-kategorija ta’ taħt id-90kg fejn kienu qed jikkompeti 14-il atleta iehor. Intiżen b’piż ta’ 88.4kg u rnexxilu jerfa’ total ta’ 660kg. Bi squat ta’ 230kg u bench press ta’ 150kg kien viċin mmens li jegħleb lill-Ġermaniż Yannik Wenz li kiseb l-ewwel post. Għalkemm falla t-tielet attentat tal-Bench Press b`155kg, irnexxilu jikser ir-rekord nazzjonali fid-deadlift b’280kg, żieda ta’ 5kg. Fid-deadlift Wayne ma rnexxilux jerfa’ 290kg, refa’ li assigurat l-ewwel post lil Yannik Wenz. Waqt din il-kompetizzjoni Gregoraci irnexxilu ukoll itejjeb il-punteġġ Schwartz fejn kiseb 390.58 punt.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Aktar