Futbol internazzjonali
Premier Ingliż: Telfiet għal Chelsea u Leicester City fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika

West Ham 3   Chelsea 2

Rebħa li tista’ tiswa ħafna lil West Ham meta f’darhom għelbu lil Chelsea bl-iskor ta’ 3-2. Dan kien skoss qawwi għal Chelsea fil-ġlieda tagħhom għal wieħed mill-postijiet fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej. Il-Hammers bdew tajjeb u fit-34 minuta kellhom gowl ta’ Soucek imħassar b’deċiżjoni tal-VAR. Fit-42 minuta Chelsea marru minn fuq mill-penalty ta’ Willian, imma l-vantaġġ żammewh biss 5 minuti għaliex fit-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari tal-ewwel taqsima Soucek sab ix-xibka għall-avversarji u temmew l-ewwel taqsima 1-1.

West Ham ħarġu tajjeb fit-tieni taqsima tant li Antonio poġġihom għall-ewwel darba fil-vantaġġ fil-51 minuta. Willian reġa’ kien providenzjali għal Chelsea meta skorja t-tieni wieħed u ġab id-draw fit-72 minuta. U x’ħin kollox deher li kull tim ser jieħu punt mil-logħba, Yarmolenko sab ix-xibka wara li daħal bħala sostitut u ta r-rebħa lill-Hammers minuta qabel tmiem il-logħba.

 

Everton 2   Leicester C. 1

Tkompli l-indifferenza ta’ Leicester mit-tkomplija tal-istaġun meta marru f’Goodison Park u ħarġu telliefa kontra Everton 2-1. It-Toffees għalqu l-logħba fl-ewwel kwarta, meta Richarlison poġġihom minn fuq wara 10 minuti u Sigurdsson mill-penalty kabbar il-vantaġġ ħames minuti wara.

Għal Leicester skorja Iheanacho fil-51 minuta u hekk baqgħu sat-tmiem, biex għalkemm żammew it-tielet post fil-klassifika, jinsabu biss 3 punti ‘l bogħod minn Manchester United u Wolves meta fadal sitt logħbiet għal tmiem l-istaġun.

 

Arsenal 4   Norwich 0

Żewġ gowls f’kull taqsima kienu biżżejjed biex Arsenal xejnu l-isfida ta’ Norwich u rebħulhom 4-0. Din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva għall-Canaries, u b’hekk baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika. Aubameyang skorja darbtejn għall-Gunners, l-ewwel fit-33 minuta mbagħad fis-67 minuta. F’nofsu skorja gowl Xhaka fis-37 minuta, filwaqt li Soares skorja r-raba’ fil-81 minuta.

Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għal Arsenal li issa jinsabu fis-7 post b’46 punt minn 32 logħba.

 

Bournemouth 1   Newcastle UTD 4

Telfa oħra diffiċli f’darhom għal Bournemouth li tkompli tgħarrqilhom is-sitwazzjoni fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni. Din id-darba laqgħu għandhom lil Newcastle u dabbru erbgħa. Gayle fetaħ l-iskor għat-Toons wara biss ħames minuti u man-nofs siegħa logħob Longstaff kabbar il-vantaġġ. Almiron għamilhom 3-0 fis-57 minuta, filwaqt li Lazaro skorja r-raba’ fis-77 minuta.

Il-gowl tal-bandiera għal Bournemouth wasal mar-raba’ minuta fuq il-ħin regolamentari minn Gosling.

 

Illejla jintlagħbu żewġ logħbiet oħra mill-Premier Ingliż:

19:00 Sheffield UTD – Tottenham Hotspur

21:15 Manchester City – Liverpool

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Il-winger ta’ Borussia Dortmund Jadon Sancho ftiehem ma’ Manchester United dwar il-paga li ser jaqla’ f’Old Trafford. Iż-żagħżugħ t’20 sena għamilha ċara ma’ Dortmund li jixtieq jirritorna l-Ingilterra matul dan…

Futbol internazzjonali

Wara tant stennija, u wara li l-kampjonati domestiċi madwar l-Ewropa twasslu għat-tmiem tagħhom ħafna iktar tard mis-soltu, din il-ġimgħa sa fl-aħħar jirritornaw il-kompetizzjonijiet tal-UEFA għall-clubs li kien ilhom sospiżi minn…

Futbol internazzjonali

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Football, il-FIFA, iddeskriviet id-deċiżjoni tal-awtoritarjiet Żvizzeri li jiftħu proċeduri kriminali kontra l-President Gianni Infantino bħala assurda. Il-każ huwa dwar laqgħat li Infantino kellu mal-Avukat Ġenerali Żvizzeru Michael Lauber….

Futbol internazzjonali

Lecce 3   Parma 4 Lecce tilfu l-aħħar logħba tagħhom fis-Serie A meta laqgħu għandhom lil Parma u tilfu 4-3. Parma fetħu żewġ gowls vantaġġ qabel in-nofs siegħa logħob meta l-ewwel…

Aktar