
Liverpool 0-1 Chelsea
Liverpool kisru rekord xejn feliċi meta f’Anfield ħadu l-ħames telfa konsekuttiva, din id-darba kontra Chelsea. Kien il-gowl ta’ Mason Mount li ddeċieda l-konfront fit-42 minuta, wara li aktar kmieni Timo Werner kellu gowl ikkanċellat minħabba pożizzjoni t’offside.
Ir-Reds tilfu kontra Burnley, Brighton, Manchester City, Everton u Chelsea, kollha f’Anfield, bejn il-21 ta’ Jannar u l-4 ta’ Marzu.
Bir-rebħa tal-Ħamis, Chelsea telgħu fir-raba’ post tal-klassifika b’47 punt, tliet punti inqas minn Leicester City u punt aktar minn Everton.
Fulham 0-1 Tottenham H.
Awto-gowl fl-ewwel taqsima kien id-differenza bejn Tottenham Hotspur u Fulham, biex l-Ispurs ħadu tliet punti importanti għall-fini ta’ klassifika. Adarabioyo tefa’ fix-xibka tiegħu stess fid-19-il minuta u hekk baqgħu sa tmiem il-logħba. Fulham kellhom gowl ikkanċellat fit-62 minuta meta Maja kien aġġudikat li mess il-ballun b’idu qabel ikkonkluda.
Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għal Tottenham, filwaqt li Fulham baqgħu fiż-żona tar-relegazzjoni.
WBA 0-1 Everton
Everton telgħu fil-ħames post tal-klassifika meta marru f’The Hawthorns u ħarġu rebbieħa fuq West Bromwich Albion 1-0. Il-gowl ta’ Richarlison fil-65 minuta ddeċieda dan il-konfront favur it-tim ta’ Carlo Ancelotti.