Futbol internazzjonali
Premier League Ingliż: Fulham u West Ham rebbieħa fil-logħbiet rispettivi tagħhom

Leicester C. 1   Fulham 2

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima wittew it-triq għal rebħa ta’ Fulham fil-King Power Stadium meta għelbu lil Leicester City bl-iskor ta’ 2-1. Lookman fetaħ l-iskor man-nofs siegħa logħob u Cavaleiro rdoppja fit-38 minuta biex sal-mistrieħ Fulham kienu 2-0 minn fuq. Il-Foxes naqqsu d-distakk erba’ minuti minn tmiem il-logħba permezz ta’ Barnes, gowl li wasal tard wisq biex Liecester setgħu jippruvaw iġibu l-gowl tad-draw.

West Ham 2   Aston Villa 1

Fl-Olympic Stadium ta’ Londra, il-Hammers ħadu tliet punti importanti meta għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 2-1. West Ham minn fuq wara biss 2 minuti meta Ogbonna rċieva mingħand Bowen u tefa’ fix-xibka. Il-Hammers baqgħu fil-vantaġġ għal 23 minuta sakemm Grealish għamel l-iskor indaqs għall-Villians.

U filwaqt li Bowen kien providenzjali għall-ewwel gowl, kmieni fit-tieni taqsima sab ix-xibka biex skorja l-gowl tar-rebħa għall-Hammers. Minn hemm ‘il quddiem Aston Villa ppruvaw fuq li ppruvaw u tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fl-74 minuta meta Watkins falla penalty. Il-lejla kompliet ġejja ħażin għall-Villa meta fit-tieni minuta fuq il-ħin regolamentari l-gowl ta’ Watkins kien imħassar b’deċiżjoni tal-VAR għal offside.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA