Futbol internazzjonali
Premier League Ingliż – Liverpool jaħsdu lil Manchester United fit-Theatre of Dreams

Manchester UTD  2-4  Liverpool

Fil-logħba mistennija f’Old Trafford, kienu Liverpool li ħarġu rebbieħa meta ġew minn gowl minn taħt u rebħu 4-2 lil Manchester United.

Il-lejla dehret ġejja ħażina għar-Reds meta Fernandes fetaħ l-iskor wara biss 10 minuti, imma fl-34 minuta Liverpool ġabu d-draw b’gowl ta’ Jota. Eżatt qabel il-mistrieħ, Firmino skorja t-tieni għar-Reds biex daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ.

Eżatt mal-ftuħ tat-tieni taqsima l-Brażiljan Firmino kompla fejn ħalla fl-ewwel waħda meta għamilhom 3-1 fis-47 minuta. Kollox deher li Liverpool ser jieħdu rebħa komda, imma Rashford naqqas id-distakk fit-68 minuta u għamilhom 2-3. Għalkemm ir-Red Devils ippressaw biex iġibu l-iskor indaqs, kien Mo Salah li b’kontrattakk għeleb lill-goalkeeper avversarju u tefa’ fix-xibka fid-90 minuta biex għamel l-iskor finali 4-2 favur ir-Reds.

B’din ir-rebħa Liverpool telgħu fil-ħames post tal-klassifika, erba’ punti taħt Chelsea li jinsabu r-raba’, iżda r-Reds għandhom logħba inqas.

Illejla tintlagħab logħba waħda mill-Premier League Ingliż, meta Newcastle United jilqgħu liċ-champions Manchester City f’St James’ Park. Il-logħba tibda fid-21:00.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA