Futbol internazzjonali
Premier League Ingliż – Paul Pogba jitfa’ lil Manchester UTD waħedhom fil-quċċata tal-klassifika

Burnley 0   Manchester UTD 1

Manchester United telgħu waħedhom fil-quċċata tal-klassifika meta marru f’Turf Moor u ħarġu bit-tliet punti meta għelbu lil Burnley 1-0. Il-gowl kien skorjat minn Paul Pogba fil-71 minuta wara li rċieva mingħand Rashford, vantaġġ li żammewh sat-tmiem biex b’hekk fetħu 3 punti fuq nett tal-klassifika fuq ir-rivali Liverpool, biż-żewġ timijiet ser jiltaqgħu kontra xulxin f’Anfield l-Ħadd li ġej.

Wolves 1   Everton 2

Fil-Molineux Stadium Wolves tilfu kontra Everton bl-iskor ta’ 2-1. It-Toffees minn fuq b’gowl t’Iwobi wara biss sitt minuti, imma Neves ġab l-iskor indaqs mal-kwarta logħob biex l-ewwel taqsima ntemmet 1-1.

Keane kien providenzjali fit-tieni taqsima biex skorja l-gowl tar-rebħa għal Everton, biex b’hekk telgħu fir-raba’ post tal-klassifika, punti daqs Leicester City.

Sheffield UTD 1   Newcastle UTD 0

Tasal l-ewwel rebħa f’dan l-istaġun għal Sheffield United meta f’darhom għelbu lil Newcastle 1-0. Kien il-penalty ta’ Sharp li ta l-ewwel tliet punti tal-istaġun f’logħba waħda lill-Blades. It-Toons kellhom lil Fraser imkeċċi eżatt qabel il-mistrieħ meta dabbar żewġ karti sofor f’temp ta’ tliet minuti.

Illejla jintlagħbu żewġ logħbiet oħra mill-Premier League Ingliż:

19:00 Manchester City – Brighton & Hove Albion
21:15 Tottenham H. – Fulham

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA