Futbol internazzjonali
Premier League Ingliż – Skoss għal West Ham kontra Newcastle, Everton u Tottenham jispiċċaw draw

Newcastle UTD  3-2  West Ham UTD

Skoss għal West Ham fil-ġlieda biex jiksbu post fiċ-Champions League fl-istaġun li ġej, meta marru għand Newcastle u ħarġu telliefa 3-2. F’St James’ Park kienu t-Toons li marru minn fuq minn awto-gowl ta’ Diop fis-36 minuta, u biex kollox ikompli ġej ħażin, tkeċċa Dawson għat-tieni karta safra. Kontra għaxra min-nies Newcastle żiedu r-ritmu u qabel il-mistrieħ kabbru l-vantaġġ għal 2-0 meta Joelinton sab ix-xibka fl-40 minuta.

Fit-tieni taqsima l-Hammers ħadu l-kontroll tal-logħba avolja bi plejer inqas, u fit-73 minuta Diop skorja fix-xibka t-tajba biex naqqas id-distakk u għamilhom 2-1. Fit-80 minuta Lingard ġab id-draw għal West Ham u għamilhom 2-2, draw li dam biss żewġ minuti għaliex Willock sab ix-xibka għal Newcastle fit-82 minuta.

Everton  2-2  Tottenham Hotspur

F’Goodison Park, Everton u Tottenham ħadu punt kull wieħed meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2. Harry Kane fetaħ l-iskor għall-Ispurs fis-27 minuta, imma minn penalty ta’ Sigurdsson it-Toffees ġabu d-draw fil-31 minuta u baqgħu hekk sal-mistrieħ.

L-istess Sigurdsson skorja doppjetta personali u poġġa lil Everton għall-ewwel darba fil-vantaġġ fit-62 minuta, imma Kane għal darb’oħra sab ix-xibka għall-Ispurs u ġab id-draw fit-68 minuta.

B’dan id-draw, Tottenham Hotspur baqgħu fis-7 post tal-klassifika b’50 punt, filwaqt li Everton jinsabu punt warajhom fit-8 post.

Is-Sibt filgħaxija, fid-21:15, Wolves jilagħbu kontra Sheffield United fil-Molineux Stadium. Jekk il-Blades joħorġu telliefa, allura jkunu matematikament relegati għaċ-Championship fl-istaġun li ġej.
///////////////////

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA