Futbol internazzjonali
Premier League Ingliż – West Ham jirbħu fil-Molineux Stadium kontra Wolves

Wolves  2-3  West Ham

Tliet gowls fl-ewwel taqsima kienu biżżejjed biex West Ham ħarġu rebbieħa fil-Molineux Stadium, b’Wolves jippruvaw jiġu lura fit-tieni taqsima, iżda ma rnexxilhomx.

Il-Hammers marru minn fuq wara biss 6 minuti permezz ta’ Lingard u Fornals irdoppja fl-14-il minuta. It-tielet gowl wasal minn Bowen fit-38 minuta u Wolves naqqsu d-distakk minuta qabel il-mistrieħ permezz ta’ Dendoncker.

Fit-tieni taqsima Wolves komplew jippressaw u saħansitra skurjaw it-tieni wieħed fit-68 minuta permezz ta’ Silva, imma ma setgħux isibu x-xibka darb’oħra u ħarġu telliefa 3-2.

B’din ir-rebħa, West Ham irritornaw fir-raba’ post tal-klassifika bi 52 punt, 4 punti taħt Leicester City u punt fuq Chelsea.

 

Everton  1-1  Crystal Palace

Draw f’Goodison Park bejn Everton u Crystal Palace, bil-gowls jiġu skurjati fit-tieni taqsima tal-konfront. Kienu t-Toffees li fetħu l-iskor mas-56 minuta b’gowl ta’ Rodriguez u dehru li resqin lejn it-tliet punti sakemm Batshuayi skorja l-gowl tad-draw għall-Palace fis-86 minuta.

B’dan id-draw, Everton baqgħu fit-tmien post tal-klassifika b’47 punt, 2 punti taħt ir-rivali Liverpool, filwaqt li Crystal Palace saħħew it-12-il post bi 38 punt.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA