Futbol internazzjonali
Premier League Ingliż – West Ham jirbħu għand Burnley, WBA 2 punti ‘l bogħod minn relegazzjoni ċerta

Burnley  1-2  West Ham

Tliet gowls qabel mal-logħba waslet fl-ewwel nofs siegħa tagħha kienu biżżejjed sabiex jiddeċiedu dan il-konfront. F’Turf Moor, il-Clarets marru fil-vantaġġ mill-penalty ta’ Wood, vantaġġ li żammewh biss 2 minuti għaliex Antonio ġab id-draw għall-Hammers fil-21 minuta. Mad-29 minuta Antonio skorja doppjetta u poġġa lil West Ham minn fuq, vantaġġ li żammewh sa tmiem il-konfront.

Fit-tieni taqsima l-iskor baqa’ 2-1 favur West Ham biex b’hekk huma ħadu rebħa wara żewġ telfiet infila u telgħu fil-ħames post tal-klassifika. Għal Burnley, din kienet is-16-il telfa dan l-istaġun, imma jidher li xorta waħda ser isalvaw fil-Premiership għal staġun ieħor meta jinsabu 9 punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni u fadal erba’ logħbiet.

WBA  1-1  Wolves

F’The Hawthorns, West Bromwich Albion ħadu biss punt mit-tlieta li xtaqu meta ġew draw ma’ Wolves 1-1. L-Albions kellhom bżonn rebħa biex iżommu t-tamiet tagħhom li forsi jsalvaw, biex issa jinsabu biss żewġ punti ‘l bogħod minn relegazzjoni matematika. Kienu Wolves li marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Silva eżatt qabel il-mistrieħ, imma Diagne ġab id-draw għall-Albions fit-62 minuta u hekk baqgħu sat-tmiem.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA