Futbol internazzjonali
Proposta biex it-Tazza tad-Dinja tibda ssir kull sentejn

Wara l-Kungress tal-FIFA tal-bieraħ, il-Federazzjoni ser tagħmel studju biex tevalwa l-possibbilità li t-Tazza tad-Dinja tal-irġiel u tan-nisa tibda ssir kull sentejn u mhux kull erba’ snin kif isir sal-lum.

Il-proposta fil-Kungress tal-FIFA waslet mill-Federazzjoni tal-Futbol tal-Arabja Sawdija u skont il-President tal-Federazzjoni Yasser Al-Misehal, il-futbol jinsab f’salib it-toroq.

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li l-proposta tal-Federazzjoni tal-Arabja Sawdija kienet iddettaljata, b’166 federazzjoni jivvutaw favur u 22 jivvutaw kontra.

Fil-kummenti tiegħu lill-ġurnalisti, Infantino qal li l-istudju ser iħares lejn il-kompetizzjonijiet kollha internazzjonali u lejn l-effett li qed tħalli t-Tazza tad-Dinja. Gianni Infantino qal li mbilli t-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn ma jfissirx li d-dħul tal-FIFA ser jirdoppja.

Fl-istess Kungress, il-President Infantino qal li jaqbel li jsiru l-Olimpjadi ta’ Tokjo kif skedat, filwaqt li qal li l-Federazzjoni qatt ma qablet mal-kunċett tas-Super League Ewropew.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA