Local Sports
Protokolli mediċi jiggwidaw it-triq lura għall-prattika tal-isport fil-miftuħ

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħazagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima qal li biex ir-ritorn għall-isport isir bl-aktar mod sigur, fl-aħħar jiem SportMalta kkummissjonat protokolli mediċi dwar kif jista’ jerġa’ jsir l-użu sigur tal-faċilitajiet tagħha.

SportMalta ħeġġet lill-għaqdiet sportivi ‘outdoor’ sabiex jagħmlu l-istess billi jagħmlu kuntatt ma’ magħha fl-online helpdesk li bdiet topera mil-lum.

Waqt żjara fil-korsa tal-atletika fil-Marsa, is-Segretarju Parlamentari qal li l-online helpdesk ser tkun hemm sabiex tirrispondi l-mistoqsijiet kollha relatati ma’ dawn il-miżuri u mal-linji gwida u ser tagħti assistenza għal min jeħtieġ l-għajnuna fuq protokolli mediċi.

Speċifika li t-taħriġ jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ jew minn grupp ta’ sitt atleti. Irrefera wkoll għall-pixxini ta’ barra li se jkollhom il-kapaċità mnaqqsa u għalhekk il-Pixxina Nazzjonali se tiftaħ minn nhar il-Ġimgħa.

Is-Segretarju Parlamentari appella lill-atleti biex jipprattikaw l-isport fil-limiti tad-direttivi tal-avviż legali u l-linji gwida b’rispett lejn xulxin u tas-soċjetà, li għalkemm għamlet passi ta’ ġgant fl-aħħar ġimgħat, għadha ma ħarġitx minn dan il-perjodu tal-COVID-19.

Qal li mill-ġimgħa d-dieħla, l-atleti li ilhom jistennew b’ħerqa li jerġgħu jirritornaw għal xi forma ta’ attività sportiva, jistgħu jagħmlu dan fil-miftuħ għal dawk id-dixxiplini sportivi no-contact u li jistgħu jitħarrġu mingħajr kuntatt skont id-direttivi li ser ikun hemm fl-avviż legali li se joħroġ apposta u fil-linji gwida li d-Dipartiment tas-Saħħa, bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari u ta’ SportMalta, ser joħorġu fil-ħin li ġej.

Il-President il-ġdid tal-Malta Amateur Athletics Association Andy Grech saħaq li t-trakka tal-atletika ilha ma tara atleti għall-aħħar tliet xhur u li kien ta’ diżappunt kbir għal kulħadd għax dak li atleta jkun ilu jibni f’ammont ta’ snin, jispiċċa jikrolla fi ftit żmien. Hu temm jgħid li l-fatt li ġew rilaxxati xi miżuri u li minn nhar il-Ġimgħa l-atleti jistgħu jerġgħu jippratikaw, hija xi ħaġa emozzjonali u li tant ilhom jistennew bil-ħerqa.

It-Tabib Kirill Micallef Stafrace qal li flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa qed jitħejjew protokolli mediċi filwaqt li s-segretarjat parlamentari responsabbli mill-isport flimkien ma’ SportMalta qed iħejji lista għal kull sport kemm b’mod ġenerali u anke biex jittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex dawn jiġu segwiti.

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Local Sports

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Stefan Zrinzo Azzopardi niedew Sejħa għall-Għotjiet ta’ Boroż ta’ Studju għall-2020 bl-intenzjoni li jkompli jitkabbar l-investiment fl-Atleti…

eSports

Is-sewwieq Brandon Bonello rebaħ it-tielet tellieqa uffiċjali ta’ Gran Turismo Sport organizzata lokalment minn World Pro Racing flimkien mal-Malta Motorsport Federation. Tmien sewwieqa ħadu sehem fit-tellieqa fuq  15-il daqwra fiċ-ċirkwit…

Local Sports

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, Clifton Grima, isellem lill-ġurnalisti sportivi Maltin, illum 2 ta’ Lulju, fil-jum iddedikat għalihom. Hu saħaq li l-ġurnalisti u preżentaturi sportivi għandhom rwol importanti ħafna…

Aktar