Hockey
Qormi Hockey Club b’tim ġdid tan-nisa

Għal Qormi Hockey Club, is-sena 2021 ma tfissirx biss il-50 anniversarju mit-twaqqif tal-klabb. Din is-sena Ħal Qormi ħalla marka fl-istorja tal-hockey ġewwa pajjiżna billi fforma l-ewwel tim tan-nisa f’Malta li se jkun qed jikkompeti fuq livell nazzjonali fil-kampjonat tal-hockey. 

Il-Hockey f’Malta qiegħed ta’ kull sena jżid fil-popolarita’. Qormi Hockey Club joffri taħriġ minn coaches ta’ esperjenza f’dan il-qasam, għal bniet u subien li sa minn eta’ żgħira jingħaqdu fin-nursery tal-klabb.  Is-sapport sħiħ u l-inkoraġġiment li l-plejers isibu fi ħdan il-klabb jiggarantixxi futur pożittiv kemm fuq livell ta’ klabb, kif ukoll fuq livell personali. Għalkemm it-tfajliet ikollhom taħriġ fi gruppi oħra flimkien mas-subien, permezz tat-twaqqif tat-tim tal-hockey purament femminili, dawn se jwettqu l-ħolma tagħhom u jieħdu sehem f’logħob ta’ diversi livelli. Minbarra plejers li kibru fi ħdan il-Qormi Hockey Club, hemm ukoll uċuh ġodda li ngħaqdu ma’ Qormi Women’s Hockey Team, fosthom anke atleti minn barra minn xtutna.  

Fi stqarrija il-Club qal li l-passjoni lejn il-hockey u d-determinazzjoni biex jogħla l-livell fit-teknika, stamina u koordinazzjoni tat-tim wasslu għal sessjonijiet ta’ taħriġ kontinwu li beda fis-sħana qalila tas-sajf taħt il-gwida tal-Head Coach Andre’ Ghio, assistit mill-Coach John Williams u Assistant Coach Rudolph Camilleri.  B’hekk it-tim jinsab ippreparat li jkompli jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu li jwasslu għal kompetittivita’ pożittiva u rebħiet fil-kampjonat.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.