Futbol lokali
Qrendi FC jgħidu li mhux minnu li l-Club ma riedx ikun promoss fil-Premier

Il-Kumitat tal-Club tal-Football ta’ Qrendi illum għamilha ċara u ċaħad xnigħat li qed jidhru fil-midja soċjali, li  mhuwiex minnu li ma riedx ikun promoss fil-Kampjonat Premier.

Fi stqarraija l-Club qal li promozzjoni għal Qrendi FC kienet tkun storika, l-ewwel darba fl-istorja tal-Club, imma wara li l-Eżekuttiv tal-MFA ddeċieda li jittermina l-istaġun u allura li lanqas jintlagħbu play-offs u play-outs, huma kienu qed jistennew li se jibqgħu jilagħbu fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Il-Club aċċetta d-deċiżjoni li ttieħdet fil-Kunsill tal-MFA l-bieraħ. Qrendi FC qalu li l-kumitat jinsab iddiżappuntat li għal dan l-istaġun ma kisibx il-promozzjoni wara l-investiment kollu li sar. Huma qalu li  jħarsu ‘l quddiem għall-istaġun li ġej bit-tama li ma jdumux ma jkunu mal-aqwa timijiet f’pajjiżna.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.