Bowling
Rachel Chircop u Bjorn Tabone jirbħu l-Bronze Cup

Il-bowlers tal-iSpecial Olympics Rachel Chircop u Bjorn Tabone rebħu l-Bronze Cup li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fl-Eden Super Bowl.

Rachel Chircop ma bdietx daqstant tajjeb fil-kompetizzjoni, tant li fl-ewwel ġurnata spiċċat fis-7 post iżda xorta waħda għaddiet għall-fażi finali. Kienet Celianne Micallef l-aħjar fl-ewwel ġurnata, quddiem Natasha Bianchi u Sandra Xuereb.

Fir-round robin Chircop bdiet tajjeb ħafna u tellgħet 246 pin u rebħet sitt logħbiet infila. Hija tilfet logħba waħda biss kontra Kathryn Fenech. Iż-żagħżugħa ta’ 16-il sena Fenech temmet fit-tieni post, b’ħames rebħiet minn seba’ logħbiet, eżatt quddiem Celianne Micallef li temmet fit-tielet.

 

Fil-kategorija tal-irġiel, Bjorn Tabone kien fi klassi għalih sa mill-ewwel logħba, meta kkwalifika fl-ewwel post quddiem Jonathan Sciberras u Renè Bartolo.

Fir-round robin, Tabone rebaħ is-seba’ logħbiet kollha, biex spiċċa 260 pin quddiem Matthew Agius Inglott li spiċċa fit-tieni post. It-taqtiegħa għat-tieni post kienet b’saħħitha bejn Agius Inglott u Tomas Caruso wara li t-tnejn li huma rebħu erba’ logħbiet kull wieħed u spiċċaw bl-istess punti. Kien fl-aħħar logħba li Agius Inglott kien aħjar minn Caruso, b’tal-aħħar itemm fit-tielet post.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA