Sport Lokali
Rachela Pace rebbieħa tal-Atlas Youth of the Month Award għal Jannar 2020

L-Isprinter u atleta fil-long jump Rachela Pace rebħet l-ewwel edizzjoni tal-Atlas l-Atleta Żagħżugħa tax-Xahar, għal Jannar 2020.

Dan il-premju li ġie mniedi ftit tal-ġimgħat ilu, qed jingħata fuq inizjattiva konġunta tal-kumpanija Atlas Insurance u l-Għaqda Ġuranlisti Sports, fejn permezz ta’ ġurija magħmula minn tliet ġurnalisti sportivi, jiġu evalwati r-riżultati miksuba f’kull xahar, mill-atleti ta’ taħt il-21 sena.

Dan il-premju huwa immirat għal dawk l-atleti ta’ taħt il-21 sena li jiddistingwu ruħhom fir-riżultati miksuba, kemm lokalment u anki internazzjonalment. Kif ukoll qed tingħata importanza lejn ir-rispett lejn il-valuri sportivi.

Id-dixxiplini sportivi li jikklassifikaw għal dan il-premju jvarjaw u kull sport huwa kkunsidrat, kemm fuq bażi individwali u anki fuq bażi ta’ tim.

“L-Atlas l-Atleta Żagħżugħ/a tax-Xahar huwa maħsub li jippromwovi l-attività fiżika u l-kompetittività sportiva fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa u li jinħolqu role models għaż-żgħażagħ in ġenerali.” David Cassar, Manager – Business Development and Marketing ta’ Atlas Insurance.

Rachela Pace, li għandha 16-il sena kisbet suċċessi personali meta f’Jannar ħadet sehem fl-Indoor Games 2020 f’Londra u fl-EAP Amsterdam Meeting 2020. F’dan tal-aħħar ġiet ir-raba’ fil-long jump, b’distanza impressjonanti ta’ 5.64 metri.

Fit-trakka prestiġjuża ta’ Lee Valley waqt l-Indoor Games ta’ Londra, Pace ħadet sehem fis-60 metru, 200 metru sprint u fil-long jump.

Hija kisbet l-aqwa ħin personali ta’ 8.06 sekondi fit-tellieqa ta’ 60 metru u tejbet il-ħin tagħha preċendti b’0.15 sekondi. Kisbet ukoll rekord personali fil-200 metru sprint meta għamlet ħin ta’ 26.37 sekondi u naqset l-aħjar ħin personali tagħha b’0.62 sekondi. Fil-long jump hija qabżet distanza ta’ 5.11 metri u kisbet il-ħames post overall.

Ftit ġranet biss wara fl-EAP Amsterdam Meeting, Pace kisbet rekord personali fil-long jump meta qabżet distanza ta’ 5.64 metri, tejbet id-distanza preċedenti tagħha ta’ 5.45 metri u ġiet fir-raba’ post overall. 

F’Jannar il-Malta Amateur Athletics Association inkludiet lil Rachela Pace fil-lista ta’ atleti taħt it-18-il sena għall-iSpecial Achievement Award għas-suċċessi miksuba fl-aħħar staġun.

Il-Premju ġie ppreżentat lil Rachela Pace minn David Cassar, Manager – Business Development and Marketing ta’ Atlas Insurance. Sandro Micallef u Lorraine Cunningham President u Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports rispettivament, attendew għal din il-premjazzjoni.

 

Min hi Rachela Pace ?

Imwielda fil-15 ta’ Ġunju 2003, Rachela Pace bdiet titħarreġ fl-atletika meta kellha erba’ snin. Hija kienet ukoll tilgħab il-futbol, imma din l-aħħar sena ddeċidiet li tieqaf mill-futbol u tiffoka fuq l-atletika. Din ma kinitx deċiżjoni faċli għaliex Pace kienet plejer prometenti ħafna mat-tim tat-tfajliet ta’ Mġarr Utd. Saħansitra fl-2018 ġiet magħżula mat-tim nazzjonali ta’ taħt is-sittax-il sena.

Pace irrappreżentat lil Malta fl-Atletika diversi drabi f’dan l-aħħar snin, fil-European Kids Athletics Games, Coji Games, Fisec Games u l-aktar riċenti fil-European Youth Olympic Festival Games fejn ġiet fit-tmien post fil-long jump. Pace rebħet it-titlu ta’ Ċampjin Nazzjonali fil-long jump fil-Kategorija tal-Kadetti u taż-Żgħażagħ. Din is-serje ta’ suċċessi waslitha li tirbaħ fis-Senior Championships tal-2018.

Il-Malta Amateur Athletics Association onorat lil Pace bl-Outstanding Achievement Award għall-istaġuni tal-2017 u tal-2019. F’Diċembru tal-2019, ġiet ukoll ippremjata fl-edizzjoni tal-MOC Awards tal-2019 organizzata mill-Kumitat Olimpiku Malti, għar-riżultati eċċellenti miksuba fl-EYOF Competition.

Rachela Pace għadha ġġorr ir-rekords nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena fil-High Jump u l-Long Jump. Wara li attendiet fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport, Pace qed tkompli l-istudji tagħha fil-Kuleġġ ta’ De La Salle.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Ċikliżmu

L-erba’ darbiet champion tat-Tour De France, l-Ingliż Chris Froome ħabbar li se jkun qed iħalli lil Team Ineos fl-aħħar tal-istaġun. L-aħbar għamluha uffiċjali t-tim tiegħu stess. Froome rebaħ it-Tour De…

Atletika

Il-Belarus se jikkunsidraw offerti mingħand atleti Russi li jkunu jixtiequ jikkompetu għal pajjiżhom. Dan qaluh il-federazzjoni tal-atletika tal-Belarus. Bħalissa, l-atleti Russi huma sospiżi milli jikkompetu taħt il-bandiera ta’ pajjiżhom. L-atleti…

Regatta

Il-President tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor Stephen Paris ħabbar li mhux ser ikun qed jerġa’ jikkontesta l-kariga wara r-Regatta tat-8 ta’ Settembru li ġej. F’komunikat li l-President bagħat lill-klabbs,…

Atletika

Wara żewġ avvenimenti b’suċċess għall-kbar, fl-aħħar anke l-atleti ż-żgħar għandhom l-opportunità li jesprimu t-talent u t-taħriġ tagħhom hekk kif il-kompetizzjonijiet tal-MAAA għall-kategoriji tagħhom jirritornaw wara nuqqas ta’ erba’ xhur wara…

Aktar