Futbol internazzjonali
Raheem Sterling jakkuża lill-media li hija kompliċi fl-abbużi razzjali

Il-winger ta’ Manchester City, Raheem Sterling, akkuża lill-media li hija kompliċi fl-abbużi razzjali li hu u plejers oħra qiegħed ikollhom fil-logħbiet tal-Kampjonat Premier Ingliż. Fil-logħba tas-Sibt kontra Chelsea, fi Stamford Bridge, Sterling qiegħed jallega li partitarju tal-Blues għajru waqt li kien riesaq sabiex jagħti throw-in.

Il-pulizija Ingliża flimkien mat-tim ta’ Chelsea qegħdin jinvestigaw il-każ, u fil-fatt intalbu l-filmati mill-kumpanija BT Sport li kienet qiegħda xxandar il-logħba diretta, kif ukoll Chelsea ser jużaw il-filmati mill-kameras tas-sigurtà sabiex jikkonfermaw il-partitarju min hu u jekk kemm-il darba jinsab ħati, allura ma jkunx jista’ jidħol aktar fi Stamford Bridge għal għomru.

L-inċident ta’ Raheem Sterling ġie eżatt ġimgħa wara li l-attakkant t’Arsenal, Pierre-Emerick Aubameyang spiċċa wkoll mgħajjar meta xi ħadd tefagħlu banana waqt id-derby ta’ Londra kontra Tottenham Hotspur. Barra minn hekk, anke fl-Iskozja kien hemm abbużi verbali razzjali kontra l-plejer ta’ Motherwell Christian Mbulu, li waqt il-warm-up qabel kien sostitwit, madwar 20 partitarju dehru jgħajruh bil-karnaġġjon tiegħu.

Il-bieraħ filgħodu, Raheem Sterling iddeċieda li jmur fuq Instagram sabiex jikteb dak li kien qiegħed iħoss wara l-abbuż razzjali li kellu waqt il-logħba. Hu akkuża lill-media li qiegħda tkun parteċipi u qed tkun hi stess li kważi tippromwovi l-abbuż razzjal. Hu ġab paragun bejn meta plejer Ingliż b’karnaġġjon abjad xtara dar lil ommu, l-istess kif għamel plejer ta’ kulur, imma kif il-media trattat dawn iż-żewġ każi. Qal li filwaqt li t-titlu tal-istorja dwar Phil Foden u kif xtara dar lil ommu mill-flus li qiegħed jagħmel mat-tim ta’ Manchester City, kien jirrifletti kemm dan il-plejer għamel ġest nobbli mal-familja tiegħu, mhux l-istess jista’ jingħad għal meta Tosin Adarabioyo għamel l-istess, għaliex il-media qalet li dan il-plejer qiegħed jitkessaħ bil-flus meta għadu lanqas lagħab logħba waħda fil-Kampjonat Premier Ingliż.

Mhux bilfors li Sterling fehem kulma qallu l-partitarju ta’ Chelsea, imma probabbli ra filmati wara l-logħba fejn ikkonferma dak li ntqal fil-konfront tiegħu u għalhekk iddeċieda li jmur fuq Instagram. Skont Lord Ouseley, kull plejer li jħossu abbużat razzjalment waqt il-logħba, għandu d-dritt li jmur jgħid b’dan lir-referee sabiex tittieħed azzjoni. L-FA Ingliża rreaġixxiet mal-ewwel u qalet li ser tagħmel dak kollu possibbli biex tikkonferma dan il-każ u min hu kompliċi jħallas għal għemilu.

Diversi eks-pelejrs ħarġu jiddefendu lill-winger ta’ Manchester City, b’Evra, Lineker u anke Ferdinand kollha kkummentaw dwar kemm kienet stqarrija b’saħħitha dik li għamel Sterling, u li fid-dinja tal-futbol ma jistax ikun li jibqgħu jingħadu dawn l-abbużi razzjali. Anke l-Black Collective of Media in Sport (BCOMS) ħarġet stqarrija fejn saħqet li anke hi qiegħda flimkien ma’ Sterling f’dan il-każ u jittamaw li dak li ġara fi Stamford Bridge jservi bħala qawma mir-raqda għall-media inġenerali, fejn hemm bżonn li jsir eżami serju tal-kuxjenza dwar x’effett qegħdin iħallu l-istejjer ippubblikati u kif l-isportivi ta’ kulur qegħdin jiġu mpenġija mill-istess media.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Cristiano Ronaldo, il-plejer ta’ Juventus FC u tal-Portugall, laħaq ftehim mal-Qorti ta’ Madrid fi Spanja, biex iħallas kważi €19,000,000 f’multa talli evada t-taxxa fiż-żmien li kien jilgħab ma’ Real Madrid….

Futbol internazzjonali

It-tim ta’ Barcelona ħabbru li ffirmaw lil Kevin-Prince Boateng mingħand it-tim ta’ Sassuolo. Għalissa t-tim Katalan ħa lill-plejer Boateng b’self sa tmiem l-istaġun, imma jistgħu jagħmlu t-trasferiment permanenti għal €8…

Futbol internazzjonali

Fil-logħba li biha ngħalqet l-20 ġurnata tas-Serie A fl-Italja, Juventus ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0, biex b’hekk s’issa huma rebħu 18-il logħba u ġew dro tnejn f’dan l-istaġun. It-tim t’Allegri…

Futbol internazzjonali

Fil-partita li ntlagħbet iktar kmieni, Milan barra minn darhom għelbu lil Genoa bi skor ta’ 2-0. Borini fetaħ l-iskor fit-72 minuta u Suso rdoppja fit-83 minuta. Illejla, fit-20.30, Juventus jilqgħu…

Aktar