Futbol internazzjonali
Raheem Sterling u Jordan Henderson ser jirċievu unur mingħand ir-Reġina Eliżabetta II

Il-plejers tat-tim nazzjonali Ingliż Raheem Sterling u Jordan Henderson ser jirċievu l-unur ta’ Membri tal-Ordni tal-Imperu Ingliż (MBE). Sterling u Henderson qed jiffurmaw parti mil-lista t’unuri ppubblikata l-Ġimgħa, bħala parti mill-unuri li jingħataw f’għeluq snin ir-Reġina Eliżabetta II.

L-attakkant ta’ Manchester City, Raheem Sterling, qed ikun rikonoxxut għall-kampanja tiegħu kontra r’razziżmu, u għax waqqaf fondazzjoni għat-tfal imwarrba.

Anke l-midfielder Jordan Henderson ser ikun qed jirċievi dan l-unur. Il-plejer ta’ Liverpool ser jirċievi MBE għall-fond “Players Together” li waqqaf is-sena li għaddiet fl-aqwa tal-pandemija tal-Covid-19. Il-fond kien imwaqqaf sabiex il-plejers tal-Premier League Ingliż jikkontribwixxu għas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali permezz t’għotjiet diversi.

Kemm Sterling kif ukoll Henderson huma parti mit-tim Ingliż li qed jipprepara biex għada jibda l-esperjenza fl-EURO 2020 bil-logħba kontra l-Kroazja f’Wembley.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA