Futbol internazzjonali
Ralf Rangnick viċin li jingħaqad ma’ Manchester United

Ralf Rangnick ta’ 63 sena jinsab viċin li jingħaqad ma’ Manchester United bħala interim manager.

Numru kbir ta’ sorsi fir-Renju Unit qegħdin jgħidu li kulma fadal hu li Rangnick iħalli postu minn Kap tal-Isport u l-Iżvilupp ta’ Lokomotiv Moscow qabel jingħaqad mar-Red Devils. Jidher li fil-mument Manchester United għaddejjin bit-taħdidiet mat-tim Russu biex Rangnick ikun rilaxxat mill-kariga tiegħu.

Fil-karriera tiegħu Rangnick dejjem mexxa timijiet fil-Bundesliga – Schalke, Hoffenheim u RB Leipzig. Fl-2011 Rangnick kien wassal lil Schalke sas-semifinali taċ-Champions League, u inċidentalment kienu eliminati minn Manchester United. Barra minn hekk, Rangnack mexxa lil RB Leipzig mid-diviżjonijiet inferjuri fil-futbol Ġermaniż sakemm wassalhom sal-Bundesliga

Rangnick mistenni jinħatar interim manager sa tmiem dan l-istaġun u ser jiffirma kuntratt ta’ sitt xhur. Wara li jintemmlu l-kuntratt, Rangnick mistenni jibqa’ mal-klabb fil-kariga ta’ konsulent għal sentejn oħra. Rangnick huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-imħuħ wara l-Gegenpressing, li influwenza bis-saħħa lill-managers Jurgen Klopp u Thomas Tuchel.

Il-manager il-ġdid mhux ser ikun qed imexxi lil Manchester United fil-konfront kontra l-leaders Chelsea fi Stamford Bridge l-Ħadd li ġej minħabba l-permess tax-xogħol.

Fl-aħħar jiem, numru ta’ managers issemmew li jistgħu jieħdu l-kariga f’Old Trafford, fosthom Zinedine Zidane, Mauricio Pochettino, Ernesto Valverde u Brendan Rodgers.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA