Motorsport
Rally Kampjonat Dinji f’Katalunya – Wirja tajba fuq Hyundai tal-Belġjan Thierry Neuville

Il-Belġjan Thierry Neuville fuq karozza Hyundai kellu wirja b’saħħitha fit-tellieqa ta’ Katalunya parti mill-Kampjonat Dinji tar-Rally, biex kompla bena vantaġġ tajjeb fuq l-isfidanti Elfyn Evans u l-leader attwali Sebastien Ogier.

Neuville, it-tielet fl-istandings overall kien jinsab disa’ sekondi vantaġġ fl-għeluq tad-disa’ stadju.

Evans, it-tieni fl-istandings overall se jkun qed ifittex li jżid il-pressjoni bil-għan li jżomm ħajjin it-tamiet ta’ suċċess.

Bħalissa Neuville jinsab sittin punt taħt Ogier għalhekk minkejja l-pressjoni t-tamiet tiegħu ta’ suċċess finali jidhru remoti.

Il-Franċiż Ogier rebbieħ seba’ darbiet ta’ dan il-kampjonat jinsab fuq quddiem b’mija u disgħin punt, l-eqreb rival tiegħu ikun il-Brittaniku Elfyn Evans erbgħa u għoxrin punt taħtu, it-tielet l-istess Belġjan Thierry Neuville maqtugħ xi ftit b’mija u tletin punt.

L-aħħar fażi tar-Rally parti mill-Kampjonat Dinji hija skedata f’Monza l-Italja f’nofs ix-xahar id-dieħel.

Miktub minn...
Rodney Vassallo