Futbol internazzjonali
Raphael Varane jista’ jkun plejer ta’ Manchester United sa tmiem din il-ġimgħa

Il-midja Spanjola u Ingliża qed tgħid li sa tmiem din il-ġimgħa Raphael Varane ikun plejer ta’ Manchester United. Skont diversi ġurnali jidher li n-negozjati bejn iż-żewġ timijiet intensifikaw sal-punt li kważi kollox lest biex Varane jmur l-Ingilterra għas-somma ta’ €45 miljun.

Raphael Varane ilu ma’ Real Madrid għall-aħħar 10 snin, meta ngħaqad magħhom mingħand RC Lens fl-2011. Fl-età ta’ 28 sena, Varane rnexxielu jitfa’ jdejh fuq kull tazza li kkompeta għaliha ma’ Los Blancos, u saħansitra rebaħ it-Tazza tad-Dinja ma’ Franza fl-2018.

Varane jinsab fl-aħħar sena tal-kuntratt ma’ Real Madrid u ddeċieda li ma jiffirmax estensjoni għax jixtieq jingħaqad ma’ klabb ieħor. Jidher li Manchester United ilhom interessati f’Varane qabel m’ingħaqad mat-tim Spanjol, u issa li ġie ċ-ċans ma jridux jitilfuh.

Il-manager Ole Gunnar Solskjaer qed ifittex difensur ċentrali ta’ stoffa għal ma’ Harry Maguire, għaliex kemm Victor Lindelof u Eric Bailly mhumiex konsistenti u jweġġgħu ħafna.

Jekk kemm-il darba Manchester United jakkwistaw lil Varane, allura jkunu għamlu akkwist importanti mingħand Real Madrid, meta oriġinarjament kienu qed jitolbu €80 miljun għad-difensur Franċiż. Ir-Red Devils u Varane diġà qablu fuq il-kuntratt personali u fadal l-aħħar irqaqat qabel il-Franċiż ikun jista’ jmur Old Trafford għat-test mediku.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA