Olimpijadi TOKYO 2020
Raven Saunders tipprotesta fuq il-podju waqt l-Olimpjadi ta’ Tokjo

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qiegħed jistħarreġ x’wassal lill-atleta Amerikana Raven Saunders li tgħolli jdejha forma ta’ X waqt li kienet fuq il-podju. Jidher li s’issa din kienet l-aktar protesta fil-miftuħ u fid-dieher fl-Olimpjadi ta’ Tokjo.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qal li jinsab f’kuntatt ma’ World Athletics, u mal-Kumitat Olimpiku u Paralimpiku tal-Istati Uniti dwar dan il-każ. Fl-aħħar ġimgħat Saunders saret sensazzjoni fuq il-midja soċjali minħabba l-maskri li qed tilbes u ċ-ċelebrazzjonijiet li qiegħda tagħmel. Matul il-ġurnata tal-Ħadd hija rebħet l-ewwel midalja fix-shot put fil-karriera tagħha.

Fl-iskola għolja hija kienet imlaqqma ‘Hulk’ għas-saħħa li kellha, u fl-Olimpjadi rnexxielha ttajjar il-ballun taċ-ċomb għal 19.79 metri. B’hekk hija rebħet il-fidda u spiċċat wara ċ-Ċiniża Gong Lijiao.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA