Futbol internazzjonali
Real Madrid b’wirja solida kontra Liverpool; Vantaġġ minimu għal Manchester City kontra Borussia Dortmund

UEFA CHAMPIONS LEAGUE 2020/21 – KWARTI TAL-FINALI – L-EWWE LEGS

 

REAL MADRID……..3   LIVERPOOL….1

Rebħa tajba għal Real Madrid bi skor ta’ 3-1 kontra Liverpool liema vantaġġ ipoġġihom favoriti li jgħaddu għas-semifinali tal-kompetizzjoni tal-UEFA Champions League ta’ dan l-istaġun.

Real Madrid marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ Junior Vinicius fis-27 minuta logħob. L-ispanjoli komplew ikunu l-aħjar tim u rduppjaw disa’ minuti wara b’gowl ta’ Asensio.

Liverpool ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u fil-51 minuta, Mohammed Salah irċieva ballun tajjeb f’nofs il-kaxxa li bil-kalma kollha tefa’ fix-xibka.

Ir-Reds kienu donnhom qamu u bdew jattakkaw biex iġibu anki l-gowl tad-draw, iżda fl-ewwel azzjoni serja, Real Madrid skurjaw it-tielet wieħed minn gowl ieħor ta’ Junior Vinicius fil-65 minuta.

Il-partita baqgħet tkun waħda bilanċjata sal-aħħar li iżda m’offrietx aktar gowls.

 

MANCHESTER CITY……. 2   BORUSSIA DORTMUND….1

Manchester City għelbu lil Borussia Dortmund bi skor ta’ 2-1 f’partita li huma ddominaw għal ħafna mill-ħin.

It-tim ta’ Pep Guardiola kien l-aħjar wieħed fil-pitch u seta’ rebaħ ukoll din il-partita b’iktar gowls sakemm lejn l-aħħar minuti nħasdu bil-gowl tad-draw tal-Ġermaniżi, sakemm skurjaw il-gowl tar-rebħa mad-90 minuta.

Manchester City marru fil-vantaġġ fid-19-il minuta b’gowl tal-Belġjan Kevin De Bruyne.

L-Ingliżi kellhom aktar mill-pussess tal-ballun u ċansijiet lejn il-lasti avversarja iżda kienu Borussia Dortmund li ġabu l-gowl tad-draw minn Marco Reus fl-84 minuta.

Manchester City jiskjurjaw il-gowl tar-rebħa fid-90 minuta minn Phil Phoden biex se jibdew it-tieni leg fil-Ġermanja b’vantaġġ minimu ta’ 2-1.

Miktub minn...
TVM Sport