Futbol internazzjonali
Real Madrid fil-quċċata tad-Deloitte’s Football Money League

It-tim ta’ Real Madrid irnexxielhom jaqbżu lil Manchester United fid-Deloitte’s Football Money League, u b’hekk huma l-aktar klabb fid-dinja li jiġġenera flus permezz tat-televixin, kuntratti kummerċjali, kif ukoll dħul finanzjaru li jsir dakinhar tal-logħba. Din hija t-22 sena li Deloitte ppubblikat din il-klassifika, u issa kienet ippubblikata l-lista għall-istaġun 2017/18, jiġifieri l-istaġun li għadda.

It-tim Ingliż ta’ Manchester United kien ilu sentejn fil-quċċata tal-klassifika, imma fl-istaġun li għadda nqabżu minn Real Madrid u Barcelona, ir-rivali eterni Spanjoli. Wara Manchester United hemm it-tim ta’ Bayern Munich, segwiti minn Manchester City, PSG, Liverpool, Chelsea, Arsenal u Tottenham Hotspur li jgħaqqdu l-ewwel għaxra.

Dan ifisser li fl-ewwel għaxar timijiet hemm sitta li ġejjin mill-Kampjonat Premier Ingliż, filwaqt li mhemm l-ebda tim Taljan mal-ewwel 10. It-tim ta’ Real Madrid iġġeneraw xejn inqas minn €750.9 miljuni matul l-istaġun 2017/18, biex b’hekk reġgħu telgħu fl-ewwel post ta’ dan il-kampjonat tal-flus għat-12-il darba.

Għalkemm it-timijiet Ingliżi kienu affettwati minn kemm il-valur tal-Lira Ingliża kien qiegħed jikkumpara mal-munita Ewro fl-aħħar tliet snin, ir-raġuni għaliex Manchester United niżlu fit-tielet post kienet aktar tikkonċerna l-wirjiet xejn sodisfaċenti fil-UEFA Champions League. Matul l-istaġun li għadda Manchester United daħħlu s-somma ta’ €677 miljun, imma diġa’ jidher li matul dan l-istaġun huwa mbassar li dak id-dħul jogħla għal €706 miljuni.

It-timijiet ta’ Manchester City, Chelsea u Tottenham jinsabu mal-aqwa għaxra għat-tieni darba biss, filwaqt li Liverpool raw id-dħul tagħhom jispara ‘l fuq minħabba li waslu sal-finali tal-UEFA Champions League, fejn fl-istaġun li għadda żiedu mal-€104 miljuni fuq id-dħul tas-sena ta’ qabel. Għall-Ispurs, il-fatt li qegħdin jilagħbu f’Wembley Stadium, għenhom idaħħlu mat-€30.5 miljuni aktar mis-sena ta’ qabel.

Staġun diżappuntanti għal Arsenal, fejn id-dħul tagħhom niżel drastikament, b’€34.5 miljuni u fil-fatt niżlu mis-sitt post għad-disa’ post ta’ din il-klassifika. Dan kompla joħroġ biċ-ċar kemm huwa importanti li tim jikkwalifika għaċ-Champions League minħabba l-flus li jiġu ġġenerati minn din il-kompetizzjoni.

Jekk wieħed jieħu lill-ewwel għoxrin klabb f’daqqa, li inċidentalment kollha ġejjin mill-Ingilterra, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja, bejniethom daħħlu €8.5 biljuni, 6% aktar mill-istaġun 2016/17.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Futbol internazzjonali

Id-difensur Olandiż ta’ Liverpool, Virgil van Dijk, rebaħ l-unur tal-plejer tas-sena tal-Professional Footballers’ Association. Dan wara sfida kbira bejnu u l-Ingliż Raheem Sterling ta’ Manchester City. U bħalma jiġri kull…

Futbol internazzjonali

Manchester UTD 0 Manchester City 2 F’Old Trafford, Manchester City reġgħu telgħu fil-quċċata tal-klassifika tal-Premiership Ingliż meta rebħu fid-derby kontra Manchester United bl-iskor ta’ 2-0. Il-gowls waslu t-tnejn li huma…

Futbol internazzjonali

F’San Siro, Lazio ħadu rebħa b’gowl uniku kontra l-Milan biex b’hekk għaddew għall-finali tal-Coppa Italia b’aggregate ta’ 1-0. Il-gowl kien skurjat fit-tieni taqsima, eżattament fit-58 minuta meta Immobile għadda pass…

Futbol internazzjonali

TVMSport jista’ jiżvela li l-President tal-club Taljan Juventus Andrea Agnelli se jkun hawn Malta f’Ġunju għal asssemblea ġenerali straordinarja tal-European Club Association – ECA – li tħaddan clubs li jilagħbu…

Aktar