Olimpijadi TOKYO 2020
Reazzjonijiet pożittivi minn madwar id-dinja għall-posponiment tal-Olimpjadi

Il-President Amerikan tkellem mal-Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe u faħħru għad-deċiżjoni meħuda li l-Olimpjadi jkunu posposti għas-sena d-dieħla. Skont Trump, id-deċiżjoni meħuda kienet l-aqwa waħda fiċ-ċirkostanzi. Il-Gvern Ġappuniż minn dejjem ried li l-Olimpjadi jsiru fl-enterità tagħhom u l-posponiment tagħhom sar sabiex is-sena d-dieħla jkunu jistgħu juru li l-umanità rnexxielha tegħleb il-coronavirus.

Il-Kumitat Olimpiku Awstraljan laqa’ bil-ferħa d-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali wara li ftit sigħat qabel ħarġet l-aħbar tal-posponiment kienu diġà għamluha ċara li l-ebda atleta Awstraljan ma kien sejjer Tokjo jekk il-logħob olimpiku jsir fis-sajf 2020. Il-Kumitat Olimpiku Awstraljan qal li dawk l-atleti li kienu diġa’ kkwalifikaw għal-logħob olimpiku ta’ dan is-sajf għandhom posthom lest għall-olimpjadi tas-sena li ġejja. Din hija l-ewwel darba fl-istorja tal-Olimpjadi li dawn ġew posposti, u f’124 sena ta’ storja, l-Olimpjadi kienu ġew ikkanċellati tliet darbiet, matul il-gwerer dinjija. Għalkemm s’issa ma ġewx imħabbra dati ġodda għall-Olimpjadi ta’ Tokjo, skont il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach, il-logħob olimpiku għandu jsir mhux aktar tard mis-sajf 2021.

Aktar reazzjonijiet pożittivi mill-atleti, assoċjazzjonijiet nazzjonali u federazzjonijiet sportivi minn madwar id-dinja, li għalkemm urew ċertu dieqa li l-Olimpjadi mhux ser isiru kif skedat, biss b’hekk huma rashom mistrieħa li s-sens komun rebaħ sabiex l-ewwel tintrebaħ il-ġlieda fuq il-pandemija tal-coronavirus. Diversi atleti kellhom iwaqqfu ħesrem il-preparazzjonijiet tagħhom għall-Olimpjadi, b’oħrajn kienu għadhom ma kkwalifikawx biex jieħdu sehem fil-logħob li kellu jibda fl-24 ta’ Lulju. Ġimgħat sħaħ ta’ spekulazzjoni u kritika li kulma jmur kienet qed tiżdied, wasslu lill-KOI u lill-Gvern Ġappuniż sabiex jieħdu d-deċiżjoni li kulħadd kien qed jistenna, li jipposponu l-logħob olimpiku.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA