X

Rebħa kbira għal Birkirkara fuq Valletta

Story Published

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20

VALLETTA ……..1

BIRKIRKARA… 4

Valletta sfaw umiljati minn Birkirkara dan wara li fil-logħba prinċipali huma tilfu bl-iskor kbir ta’ 4-1. B’hekk Valletta fallew iċ-ċans li jitilgħu waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika.

Il-logħba kellha bidu kulurit hekk kif wara biss 30 sekonda Valletta fetħu l-iskor. Kien Kaljevic li qassam fuq in-naħa tal-lemin lejn Miguel Angel Alba u dan b’xutt nofs għoli għar-rokna għeleb lil Hogg.

Iżda l-ferħ tal-Beltin ma’ damx ħafna peress li fis-6 minuta l-Istripes kisbu l-gowl tad-draw. Azzjoni ta’ korner mogħti minn Guillaumier li sab lil Falcone f’nofs il-kaxxa bl-Arġentin ikompli l-ballun fid-direzzjoni ta’ Enrico Pepe li minn quddiem il-lasta ma’ falliex.

Fit-18 il-minuta xutt ta’ Kaljevic għadda ftit barra mil-lasta ta’  Hogg. Birkirkara rrispondew fit-22 minuta hekk kif Mbong ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Bonello bil-konklużjoni tiegħu tkun salvata mill-gowlkeeper Belti.

Fit-23 minuta xutt devjat ta’ Piciollo għadda jħakkek mal-mimduda. Seba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima u Birkirkara fil-vantaġġ. Falcone qassam lejn Yankam fejn dan wara li għadda minn fuq Steve Borg qassam fid-direzzjoni ta’ Paul Mbong li minn quddiem il-lasta ma’ falliex.

Għaddew biss żewġ minuti u Birkirkara żiedu t-tielet gowl. Din id-darba kien Guillamier li qassam lejn l-ex attakkant Belti Federico Falcone u dan b’xutt għar-rokna għeleb lil Bonello.

Mal-bidu tat-tieni taqsima Birkirkara saħansitra skurjaw ir-raba’ gowl. Kien korner mogħti minn Ntow li sab lil Oscar Matias Carniello fejn dan mill-viċin spara fix-xibka.

Wara dan il-gowl Birkirkara kkontrollaw il-logħba fejn bdew jikkontjenu lill-Beltin b’dawn tal-aħħar ftit li xejn ikunu perikolużi lejn il-lasta avversarja. Anzi kienu Birkirkara li setgħu skurjaw il-ħames gowl meta fl-84 minuta Prado ġab lil Mbong waħdu iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet imblukkata minn Bonello.

Riżultat finali  Valletta 1 Birkirkara 4

Ikkontrolla din il-logħba r-referee Fyodor Zammit

Il-player ta’  Birkirkara Matthew Guillaumier  ġie magħżul bħala l-BOV Player tal-Logħba.

Valletta :    H.Bonello, S. Borg, R. Camilleri, S. Malano (K.Nwoko 78’), B. Kaljevic, M. Piciollo (S. Dimech 55’), J. Borg, E. Pena Beltre, M. Alba (J. Barrios 60’), T. Caruana, M. Fontanella

Birkirkara :  A. Hogg, E. Pepe, M. Guillaumier, P. Mbong, Y. Yankam (R. Fenech 71’), F. Falcone, C. Attard, C. Bonanno, C. Prado (M. Mifsud 86’), O. Carniello, I. Ntow   

Referee:   Fyodor Zammit