Olimpijadi TOKYO 2020
Rebħiet għall-Brażil, il-Messiku u l-Ġappun filwaqt li l-Arġentina tieħu telfa xokkanti u draw diżappuntanti għal Spanja

Mil-lum bdiet il-kompetizzjoni tal-futbol tal-irġiel, b’riżultati pjuttost sorprendenti u oħrajn li kienu mistennija.

GRUPP A

Messiku  4-1  Franza

Rebħa komda għall-Messikani kontra l-Franċiża fl-ewwel logħba li ntlagħbet fl-Istadium ta’ Tokjo meta rebħu bl-iskor ta’ 4-1. Sa tmiem l-ewwel taqsima l-iskor kien għadu 0-0.

Il-Messikani fetħu l-iskor mas-47 minuta permezz ta’ Vega u Cordova għamilhom 2-0 fil-55 minuta. Gignac naqqas id-distakk għall-Franċiżi fid-69 minuta, imma Antuna reġa’ fetaħ żewġ gowls vantaġġ bit-tielet gowl għall-Messiku fit-80 minuta. Aguirre għalaq il-konfront 4-1 b’gowl fl-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari tal-logħba.

 

Ġappun  1-0  Afrika t’Isfel

Il-pajjiż ospitu beda fuq nota pożittiva meta fl-Istadium ta’ Tokjo ħareġ rebbieħ 1-0 fuq l-Afrika t’Isfel. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet 0-0, Kubo sab ix-xibka fil-71 minuta biex ta rebħa lill-Ġappun.

 

GRUPP B

New Zealand  1-0  Korea t’Isfel

Rebħa minima għal New Zealand fuq il-Korea t’Isfel bl-iskor ta’ 1-0, bil-gowl importanti jasal minn Wood fis-70 minuta.

Il-logħba ntlagħbet fil-Kashima Soccer Stadium.

 

Honduras  0-1  Rumanija

Awto-gowl ta’ Oliva fl-ewwel minuta fuq il-ħin regolamentari tal-ewwel taqsima kien id-differenza bejn Honduras u r-Rumanija. L-awto-gowl ta rebħa lir-Rumeni fi Grupp B.

 

GRUPP Ċ

Eġittu  0-0  Spanja

Draw diżappuntanti għal Spanja fl-ewwel logħba tal-grupp meta ma setgħux jiskurjaw kontra l-Eġittu. Il-konfront intlagħab fis-Sapporo Dome u dan kien l-ewwel draw fid-dixxiplina tal-futbol f’din l-edizzjoni.

 

Arġentina  0-2  Awstralja

Telfa xokkanti għall-Arġentina kontra l-Awstralja fl-ewwel logħba tagħhom f’din l-edizzjoni tal-Olimpjadi. L-Awstraljani ħarġu rebbieħa 2-0 f’konfront ikkundizzjonat mill-karti sofor u karta ħamra.

L-Awstraljani ħarġu tajjeb tant li sal-ewwel kwarta kienu diġà 1-0 minn fuq b’gowl ta’ Wales. Il-logħba kompliet ġejja għat-telgħa għall-Arġentina meta Ortega dabbar żewġ karti sofor f’temp ta’ żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima u ntbagħat fid-dressing room u ħalli lil sħabu bi plejer inqas.

Fit-tieni taqsima kien Tilio li kkonferma rebħa Awstraljana meta żied gowl ieħor fit-80 minuta.

 

GRUPP D

Kosta tal-Avorju  2-1  Arabja Sawdija

Il-Kosta tal-Avorju bdiet b’rebħa fuq l-Arabja Sawdija fi Grupp D. Awto-gowl t’Al Amri ta l-vantaġġ lill-Kosta tal-Avorju fid-39 minuta, imma Al Dawsari ġab id-draw fl-44 minuta.

Fit-tieni taqsima Kessie, li jilgħab ma’ Milan fl-Italja, skorja fis-66 minuta biex reġa’ poġġa lit-tim tiegħu minn fuq, u Doumbia falla penalty biex naqas li jkabbar il-vantaġġ għall-Kosta tal-Avorju fl-aħħar sekondi tal-konfront.

 

Brażil  4-2  Ġermanja

Hat-trick ta’ Richarlison witta’ t-triq għall-Brażiljani biex jegħlbu lill-Ġermaniżi 4-2. L-attakkant t’Everton kien fl-aqwa tiegħu fl-ewwel taqsima tant li skorja fis-7, 22 u 30 minuta. Il-Brażiljani naqqsu milli jagħmluhom erbgħa sal-mistrieħ meta fil-45 minuta Cunha falla penalty.

Fit-tieni taqsima l-Ġermaniżi naqqsu d-distakk fis-57 minuta b’gowl ta’ Amiri, imma ftit wara spiċċaw bi plejer inqas meta Arnold dabbar it-tieni karta safra fit-63 minuta u tkeċċa. Għalkemm b’għaxra l-Ġermanja rnexxielha tiskorja t-tieni fit-83 minuta permezz t’Ache u filwaqt li ppressaw għall-gowl tar-rebħa, il-Brażiljani skurjaw ir-raba’ permezz ta’ Paulinho mar-raba’ minuta fuq il-ħin regolamentari.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA