Futbol internazzjonali
Rebħiet konvinċenti għal Manchester United u Tottenham u żelqa għal Napoli

Fl-Europa League rebħiet konvinċenti għal Manchester United u Tottenham barra minn darhom, biż-żewġ timijiet prattikament kwalifikati. F’Turin Manchester United għelbu lil Real Sociedad 4-0 b’Fernandes jiftaħ l-iskor fis-27 minuta, bl-istess plejer jiskorja t-tieni gowl personali tiegħu fis-57 minuta.

Tmien minuti wara Marcus Rashford skorja t-tielet gowl tar-Red Devils u fid-90 minuta kien James li skorja r-raba’ u l-aħħar gowl għal skor finali ta’ 4-0.

Rebħa tajba wkoll għal Tottenham f’Budapest kontra l-Awstrijaċi  ta’ Wolfsberger. Tottenhem aċċertaw mir-rebħa fl-ewwel 35 minuta bi tliet gowls skorjati  minn Son fit-13-il minuta, Gareth Bale fit-28 minuta u minn Lucas sitt minuti wara.

Fil-55 minuta Liendl minn penalty naqqas l-iskor għal Wolfsberger u fit-88 minuta Spurs skorjaw ir-raba’ gowl permezz ta’ Carlos Vinicius.

Milan raw ir-rebħa taħarbilhom minn idejhom fl-aħħar sekondi kontra Red Star fi draw ta’ 2-2 meta Red Star kienu qed jilagħbu bi plejer inqas. Milan fetħu l-iskor fit-42 minuta b’awto goal ta’ Pankov iżda kmieni fit-tieni taqsima Red Star kisbu d-draw minn penalty mogħti minn Kanga.

Penalty ieħor iżda din id-darba favur Milan kien skorjat minn Theo Hernandez fil-61 minuta u fis-77 minuta Rodic kien imkeċċi wara li ntwera t-tieni karta safra. Fit-93 minuta Red Star kisbu d-draw b’daqqa ta’ ras ta’ Pavkov minn azzjoni ta’ korner.

B’gowl fil-bidu u ieħor lejn it-tmiem Roma kisbu rebħa ta’ 2-0 barra minn darhom kontra Braga. Kien Dzeko li fetaħ l-iskor fil-5 minuta u Mayoral skorja t-tieni wieħed erba’ minuti mit-tmiem.

Fil-logħbiet l-oħra Leicester City temmew fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Slavia Praga u fil-borra ta’ Kiev draw ta’ 1-1 bejn Dynamo Kiev u Brugge. F’logħbiet mimlija gowls Dinamo Zagreb għelbu lil Krasnodar 3-2, Olympiacos għelbu lil PSV Eindhoven 4-2, u Young Boys għelbu lil Bayer Leverkusen 4-3.

Fil-logħbiet ta’ filgħaxija draw ta’ 1-1 bejn Benfica u Arsenal biż-żewġ gowls skorjati fit-tieni taqsima. Kien Pizzi li fetaħ l-iskor għal Benfica fill-55 minuta minn penalty iżda risposta immedjata ta’ Arsenal li żewġ minuti wara kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Saka.

Rebħa drammatika ta’ Rangers ghand Antwerp, rebħa ta’ 4-3 f’logħba mill-iktar spettakolari. Aribo poġġa lil Rangers minn fuq iżda sal-intervall Antwerp dawwru r-riżultat b’gowls ta’ Avenatti u Refalov minn penalty.

Fit-tieni taqsima Barisic minn penalty għamilhom 2-2 u Antwerp reġgħu marru minn fuq b’gwol ta’ Hongla fis-66 minuta. Rangers għamlu l-iskor 3-3 b’gowl ta’ Kent fit-82 minuta u fid-90 minuta Rangers rebħu l-logħba b’penalty ta’ Barisic.

L-ikbar sorpriża tal-ġurnata kienet it-telfa ta’ 2-0 li sofrew Napoli kontra Granada, riżultat li jagħmilha diffiċli għat-tim ta’ Gattuso biex jikseb il-kwalifikazzjoni. Il-gowls ta’ Granada fl-ewwel 20 minuta permezz ta’ Herrera u Kenedy.

Rebħa mportanti wkoll għal Ajax barra minn darhom kontra Lille u draw ta’ 3-3 bejn Molde u Hoffenheim.

Miktub minn...
Chris Cassar