Futbol internazzjonali
Rebħiet konvinċenti għall-Ingilterra u Franza

Illum komplew jintlagħbu aktar logħbiet mill-kwalifikazzjoni għall-Euro 2020 meta minn Grupp A f’Wembley Stadium l-Ingilterra bdew bil-kbir l-impenji tagħhom dan wara li huma għelbu lir-Repubblika Ċeka bl-iskor ta’ 5-0.  L-eroj tat-tim immexxi minn Gareth Southgate kien Raheem Sterling li skorja tlett gowls fl-24, 62 u 69 minuta. Il-gowls l-oħra waslu minn penalty ta’ Harry Kane fil-45 minuta  u auto gowl minn Kalas fl-84 minuta. Mill-istess grupp il-Bulgarija u l-Montenegro spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Minn Grupp B il-Lussemburgu kisbu rebħa fuq il-Litwanja bl-iskor ta’ 2-1 filwaqt li l-Portugall u l-Ukranja temmew il-konfront tagħhom fi draw ta’ mingħajr gowls.

Rebħa kbira wkoll kisbu ċ-Champions tad-Dinja Franza li f’logħba minn Grupp H rebħu bl-iskor ta’ 4-1 barra minn darhom kontra l-Moldova.  Il-gowls ta’ Franza waslu minn Griezmann, Varane, Giroud u Mbappe. Mill-istess grupp rebħiet identiċi ta’ 2-0 għat-Turkija u l-Iżlanda barra minn darhom kontra l-Albanija u Andorra rispettivament.

 

Miktub minn...
Simon Farrugia
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-aħbarijiet sportivi , jirraporta u kummentatur tal-logħbiet mill-Kampjonat Premier, UEFA Champions League u UEFA Europa League