Futbol internazzjonali
Rebħiet tajba għal Milan, Tottenham u Leicester filwaqt li Napoli jfallu f’darhom

Fl-ewwel ġurnata tal-Europa League l-ewwel sorpriża waslet fi Stadio San Paolo fejn Napoli kienu megħluba minn AZ Alkmaar, tim li kellu diversi plejers nieqsa minħabba l-pandemija. Il-gowl rebbieħ tal-Olandizi wasal minn de Wit fis-57 minuta.

It-tim l-ieħor Taljan Roma kellu fortuna differenti fl-Izvizzera meta għeleb lil Youngs Boys 2-1. Kienu Young Boys li fetħu l-iskor permezz ta’ penalty mogħti minn Nsame, izda fl-aħħar għoxrin minuta Roma dawwru r-rizultat b’gowls ta’ Peres u Kumbulla.

Arsenal ukoll dawwru r-rizultat kontra Rapid Vjenna li marru minn fuq b’gowl ta’ Fountas fil-51 minuta, izda David Luiz fis-70 minuta kiseb id-draw u erba’ minuti wara kien Aubameyang li skorja l-gowl rebbieħ tal-Gunners.

Rangers kellhom bidu tajjeb meta fil-Belġju għelbu lil Standard Liege 2-0 b’gowl f’kull taqsima ta’ Tevernier u Roofe, dan tal-aħħar gowl spettakolari minn nofs grawnd. Fil-Polonja logħba mill-iktar interessanti bejn Lech Poznan u Benfica bil-Portugizi joħorġu rebbieħa 4-2. L-eroj ta’ Benfica kien Nunez li skorja hat-trick filwaqt li ż-żewġ gowls ta’ Poznan waslu mill-Izvediz Mikhail Ishak.

L-ikbar rebħa waslet mingħand Bayer Leverkusen li għelbu lill-Franċiżi Nizza 6-2, bil-plejer Bellarabi jiskorja doppjetta.

Fil-logħbiet ta’ filgħaxija rebħiet tajba għal Milan, Tottenham u Leicester. Milan kisbu rebħa ta’ 3-1 f’Celtic Park kontra Celtic. Milan bnew vantaġġ doppju fl-ewwel taqsima, b’daqqa ta’ ras ta’ Krunic u t-tieni gowl ta’ Brahim Diaz ftit qabel l-intervall.

Fl-aħħar fażi tal-logħba Celtic reġgħu daħlu fil-logħba meta minn azzjoni ta’ korner Elyounoussi skorja b’daqqa ta’ ras u Milan kellhom jistennew sat-92 minuta biex serrħu rashom meta s-sostitut Hauge skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Milan.

Mill-istess grupp ta’ Milan tispikka r-rebħa ta’ Lille li fi Praga għelbu lil Sparta 4-1 bil-plejer Tork Yusuf Yazici jiskorja tlieta mill-erba’ gowls tal-Franċiżi.

Tottenham għelbu faċilment lill-Awstrijaċi ta’ LASK, f’logħba li Spurs għal kollox iddominaw. Kien Lucas Mora li fetaħ k l-iskor għal Spurs fit-18-il minuta u disa’ minuti wasal it-tieni gowl minn awtogowl ta’ Andrade. Sitt minuti minn tmiem il-logħba kien Son li skorja t-tielet gowl ta’ Tottenham.

Leicester ukoll rebħu 3-0 f’darhom kontra l-Ukreni ta’ Zorya Luhansk. Għal Leicester gowls ta’ Maddison u Barnes fl-ewwel taqsima u Iheanacho skorja t-tielet gowl ta’ Leicester f’nofs it-tieni taqsima.

Ta’ min isemmi wkoll il-logħba spettakolari bejn Villarreal u Sivasspor bl-Ispanjoli ifallu penalty permezz ta’ Bacca, iżda huma xorta waħda joħorġu rebbieħa 5-3.

 

Miktub minn...
Chris Cassar