Futbol internazzjonali
Rebħiet tajba għal Tottenham, Arsenal, Roma u Napoli

Fl-Europa League Arsenal kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Molde 3-0, bil-gowls kollha skorjati fit-tieni taqsima. Kien Pepe li fetaħ l-iskor fil-50 minuta u ħames minuti wara Nelson skorja t-tieni gowl tal-Gunners.

It-tielet u l-aħħar gowl wasal permezz ta’ Balogun seba’ minuti minn tmiem il-logħba.

Fi Franza Milan kisbu draw ta’ 1-1 kontra Lille, biex il-Franċiżi baqgħu fl-ewwel post tal-grupp bi tmien punti, segwiti mill-istess Milan b’seba’ u minn Sparta Praga b’sitt punti.

Kien l-Ispanjol Castillejo li fetaħ l-iskor għal Milan eżatt mal-ftuħ tat-tieni taqsima, bir-risposta ta’ Lille tasal fil-65 minuta permezz ta’ Bamba.

Mill-istess grupp rebħa kbira ta’ Sparta Praga fuq Celtic bl-iskor ta’ 4-1. Kienu Celtic li marru fil-vantaġġ wara kwarta logħob permezz ta’ Edouard, iżda sa tmiem l-ewwel taqsima Sparta kienu diġa’ dawru r-riżultat favur tagħhom b’żewġ gowls ta’ Hancko u Julis.

Fit-tieni taqsima Celtic attakkaw ħafna u fl-aħħar għaxar minuti Sparta għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra skorjati minn Julis u Plavsic.

Fil-Portugall draw spettakolari ta’ 3-3 bejn Sporting Braga u Leicester, bl-Ingliżi jsalvaw il-logħba fil-95 minuta. Braga fetħu l-iskor fir-raba’ minuta permezz ta’ Elmusrati, iżda ħames minuti wara Leicester kisbu d-draw permezz ta’ Barnes. Fl-24 minuta Braga mill-ġdid fil-vantaġġ b’gowl ta’ Paolinhio.

Ħdax-il minuta mit-tmiem Leicester jiksbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Thomas wara kross fil-baxx ta’ Maddison mix-xellug. Għat-tielet darba Braga fil-vantaġġ fid-90 minuta permezz ta’ Fransergio, iżda għat-tielet darba wkoll Leicester kisbu d-draw meta kollox deher mitluf. Kien Jamie Vardy li salva lil Leicester għal skor finali ta’ 3-3.

Hoffenheim kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta fir-repubblika Ċeka għelbu lil Slovan Liberec 2-0. Għal Hoffenheim gowl ta’ Baumgartner fis-77 minuta u ieħor ta’ Kramaric fit-92 minuta.

Bayer Leverkusen kisbu rebħa kbira ta’ 4-1 fuq Hapoel Beer Sheva biex żammew il-pass ma’ Slav’a Praga fl-ewwel post tal-grupp.

Bayer Leverkusen fetħu l-iskor permezz ta’ Schick fid-29 minuta u tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Bailey skorja t-tieni gowl b’xutt fil-baxx wara li daħal tajjeb fil-kaxxa.

Hapoel naqqsu l-iskor permezz ta’ Shrivo fit-58 minuta wara żball difensiv ta’ Bayer.

Fis-76 u fit-80 minuta Bayer Leverkusen għalqu l-logħba b’żewġ gowls oħra skorjati minn Demirbaj u Alario.

Roma kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 fir-Rumanija kontra Cluj, b’żewġ gowls fit-tieni taqsima.

Fid-49 minuta Roma fil-vantaġġ bi freekick tas-sostitut Veretout li kien imxellef għal ġewwa minn difensur ta’ Cluj.

Fis-67 minuta fawl tal-goalkeeper ta’ Cluj fuq Mkhitaryan, u mill-11-il metru Veretout għamilhom tnejn.

Napoli għelbu lil Rijeka 2-0 biex issa jinsabu fl-ewwel post tal-grupp b’disa’ punti.

Napoli ħarġu għal din il-logħba lebsin flokkijiet bin-numru 10 għal memorja ta’ Diego armando Maradona. Napoli fetħu l-iskor fil-41 minuta permezz ta’ Politano li kompla għal ġewwa mill-viċin kross ta’ Zielinski.

Kwarta mit-tmiem it-tieni gowl ta’ Napoli skorjat minn Lozano.

Draw ta’ 2-2 bejn Rangers u Benfica bil-Portugiżi jwettqu rimonta tajba wara li kienu tnejn minn taħt.

Airfield poġġa lil Rangers fil-vantaġġ fis-7 minuta u fid-69 minuta Roofe skorja t-tieni gowl b’xutt sabiħ għar-rokna tax-xibka.

Fit-78 minuta Ramos naqqas l-iskor għal Benfica b’xutt mill-viċin u tliet minuti wara l-Portugiżi kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ Pizzi.

Rebħa faċli ta’ 4-0 għal Tottenham kontra Ludogorets f’Londra.

Vantaġġ doppju għal Spurs fl-ewwel taqsima biż-żewġ gowls skorjati minn Carlos Vinicius. Fit-63 minuta Tottenham jagħmluhom tlieta b’gowl ta’ Winks b’lob minn kważi nofs ground.

Fit-73 minuta ir-raba’ gowl tat-tim immexxi minn Mourinho, gowl ta’ Lucas Mora

Miktub minn...
Chris Cassar