Għawm
Rekords Nazzjonali ġodda għal Mya Azzopardi u Thomas Wareing fil-LEN European Aquatic Championships

Mya Azzopardi u Thomas Wareing it-tnejn stabilixxew rekords Nazzjonali ġodda fil-Kampjonati Ewropej tal-Akwatiċi tal-LEN.

Azzopardi kissret ir-rekord Nazzjonali tagħha stess fit-200m Freestyle meta rreġistrat ħin ta’ 2:04.52. Ir-rekord preċedenti tagħha ġie stabbilit b’ħin ta’ 2:05,11 li kien stabbilit iktar kmieni f’April waqt l-Open Turkcell Internazzjonali fit-Turkija.

Sadanittant, Wareing stabbilixxa Nazzjonali ġdid fil-Medley Individwali tal-200 metru. Il-ħin tiegħu ta’ 2:08,34 għeleb ir-rekord preċedenti ta’ Michael Umnov li kien ta’ 2.08,69 u li kien irreġistrat fil-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq.

Azzopardi u Wareing huma parti mill-kontinġent Malti li jikkompeti fil-LEN European Aquatic Championships li qed isiru f’Budapest, l-Ungerija bejn is-17 u t-23 ta ’Mejju.

Il-kontinġent huwa magħmul minn Mya Azzopardi (100m, 200m Freestyle, 200m Medley Individwali), Dylan Cachia (200m, 400m Freestyle), Sasha Gatt, (400m, 1500m Freestyle), Nicola Muscat, (50m Freestyle, Backstroke u Butterfly) u Thomas Wareing (200m, 400m Medley Individwali). Dan l-avveniment huwa wkoll avveniment ta’ Kwalifikazzjoni Olimpika approvat mill-FINA.

Il-Kontinġent Malti huwa mmexxi mill-Kowċ Nazzjonali Artem Goncharenko u l-fiżjoterapista Andrew Pisani. Il-kowċis Catalin Stan u Gail Rizzo qed jakkumpanjaw ukoll lit-tim li huwa skedat li jirritorna Malta nhar it-Tnejn 24 ta’ Mejju.

 

Miktub minn...
TVM Sport
.